L-urna tal-lotterija tal-irċevuti tal-VAT “mhix adattata”

L-Awditur Ġenerali sab diversi nuqqasijiet fuq kif issir il-lotterija li ssir kull xahar bl-irċevuti tal-VAT fosthom li l-urna li tintuża biex minnha titella’ l-lotterija mhix addattata.

Fir-rapport annwali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, l-Awditur Ġenerali jiddedika erba’ faċċati għal din il-lotterija u dwar l-urna jirrakkomanda li l-Ministeru għall-Finanzi jibdel l-urna ma waħda ikbar biex jassigura li l-proċess ikun aktar ġust u trasparenti fejn l-irċevuti jkollhom spazju fejn jitqalbu.

B’risposta għal din ir-rakkomandazzjoni, il-Ministeru qal li ta’ min jinnota li kull xahar jipparteċipaw mat-tliet miljun irċevuta u għalhekk huma qiegħdin f’kuntatt mad-diviżjoni tax-xogħlijiet biex isir tiġi ddisinjata urna oħra.

L-Awditur Ġenerali sab ukoll li l-irċevuti kienu qed jibqgħu jiġu aċċettati anki wara d-data stabbilita u għalhekk irrakkomanda li din il-prassi tieqaf u jiġu osseravti r-regolamenti. Il-Ministeru wieġeb u qal li qed jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex dan ma jibqax isir u se jsiru wkoll l-arranġamenti mal-Ministeru għal Għawdex biex l-irċevuti li jintlaqgħu f’Għawdex isegwu r-regolamenti wkoll.

Ilment ieħor mill-Awditur Ġenerali kien dwar il-post fejn tinżamm il-lotterija fejn qal li huma post inadegwat u rrakkomanda biex il-Ministeru jsib post adattat u b’hekk jiffranka €6-00 fix-xahar mill-kirja tal-post fejn qed jinżammu llum fil-maħżen ta’ Ħal Qormi.