Filmat: Il-UPE b’tilwima industrijali mal-Gvern minħabba l-ftuħ tal-iskejjel

Aġġornat 03:33 PM

Read in English.

L-Union għall-Edukaturi Professjonali (UPE) ħabbret tilwima industrijali kontra l-Ministeru tal-Edukazzjoni minħabba l-ftuħ tal-iskejjel li ppjanat isir it-Tnejn li ġej.

F’konferenza tal-aħbarijiet li għamlet waranofsinhar, il-UPE stqarret li hi mħassba fuq diversi kwistjonijiet marbutin mal-ftuħ tal-iskejjel, partikolarment mar-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà, mad-djalogu soċjali u man-nuqqas ta’ faċilitajiet li ngħatat l-union.

Sostniet li r-riskju ta’ trażmissjoni tal-coronavirus bħalissa huwa għoli wisq u dan ipoġġi lill-membri tal-union f’riskju serju u mhux raġonevoli.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-UPE staqsiet lill-Prim Ministru Robert Abela biex jikkonsidra jippostponi l-ftuħ fiżiku tal-iskejjel, u li jitkomplew lezzjonijiet online sakemm l-imxija tal-Covid-19 tiġi aktar taħt kontroll. Kienet wissiet li ma teskludix li tħabbar azzjonijiet industrijali jekk il-proposta tiġi njorata.

Il-union taħseb li s-sitwazzjoni għadha mhux biżżejjed taħt kontroll, u li jekk jinfetħu l-iskejjel fit-28 ta’ Settembru kif ippjanat, in-numru ta’ każijiet ta’ Covid-19 jitla’ ‘l fuq b’mod mhux sostenibbli, li jkollu mpatt fuq is-sistema tas-saħħa.

Però il-gvern ma ta l-ebda ħjiel li qed jikkunsidra jittardja l-ftuħ tal-iskejjel, b’Abela nnifsu jgħid li jemmen li hemm bżonn preżenza fiżika fil-klassijiet, u li hu u martu ddeċidew li jibagħtu lil binthom l-iskola kif terġa’ tiftaħ.

Kien għalhekk li l-union iddeċidiet li tirreġistra tilwima industrijali u se toħroġ direttivi għall-membri tagħha li jibdew mit-Tnejn li ġej, meta jiftħu l-iskejjel. Jekk il-membri jinnutaw xi ksur tal-miżuri tas-saħħa pubblika, dawn iridu jirrappurtaw lill-Kap tal-Iskola u jitilqu mill-klassi mill-ewwel. Huma jistgħu jkomplu xogħolhom biss ladarba s-sitwazzjoni titjieb.

Il-UPE appellat lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jeżerċita d-djalogu soċjali.

Il-union l-oħra li tirrapreżenta l-edukaturi, il-Malta Union of Teachers, ukoll tinsisti li l-ftuħ fiżiku tal-iskejjel għandu jiġi pospost.