L-unur favur il-ħajja għal Bjorn

Il-Fondazzjoni Gift of Life ippremjat lil Bjorn Formosa bl-unur favur il-ħajja.
Il-fundatur tal-fondazzjoni Paul Vinċenti għaddielu dan l-unur f’Dar Bjorn f’Ħal Qormi u qal li huwa importanti li jirrikonoxxu l-ħidma ta’ persuni bħal Bjorn li minkejja l-problemi li jaffaċċjaw fil-ħajja tagħhom xorta jibqgħu ikunu ta’ tama għal oħrajn bħalhom.
Vincenti qal li f’dan il-mument fejn ħafna jagħżlu li jaqtgħu qalbhom u jispiċċaw bla tama, Bjorn irnexxielu jagħti l-ħajja lil proġett importanti u mistenni bħal Dar Bjorn. Sostna wkoll li Bjorn sar eżempju tat-tama u l-ispirazzjoni għal ħafna.
L-unur kien ippreżentat minn Dr Joseph Meaney minn Human Life International. Meaney huwa d-direttur għall-koordinazzjoni internazzjonali tal-għaqda internazzjonali favur il-ħajja.
Il-premju kien jikkonsisti f’replika ta’ statwa favur il-ħajja li kienet inkixfet fl-2006 mill-President Emeritu Edward Fenech Adami.