“L-Unjoni Ewropea u t-Turkija mhux qed jafdaw lil xulxin”

L-Unjoni Ewropea u t-Turkija mhux jafdaw lil xulxin anzi qed iħarsu lejn xulxin b’suspett.
Dan qalu l-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew meta kienu diskussi l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta’ Marzu fis-summit bejn l-UE u t-Turkija.
Dr Sant qal li l-ftehim fuq l-influss tal-immigrazzjoni kien meħtieġ malajr kemm jista’ jkun, u taħt iċ-ċirkostanzi ma setax jintlaħaq ftehim aħjar, iżda dan l-istess ftehim għandu n-nuqqasijiet strateġiċi.
“L-ikbar problema hija li r-relazzjonijiet bejn it-Turkija u l-UE huma vvelenati min-nuqqas ta’ rieda tajba miż-żewġ naħat,” qal l-Ewroparlamentari.
Żied jgħid li hemm nuqqas ta’ ċarezza u onestà rigward il-futur tat-Turkija bħala membru jew le tal-Unjoni Ewropea. Dr Sant qal li l-UE ma tistax tiddikjara li t-Turkija tissodisfa r-rekwiżiti kollha li teħtieġ biex tissieħeb fl-UE.
Dr Sant temm jgħid li waqt li dan il-fatt qed ikun injorat, il-bażi mhux soda u dan qed ikun rifless fir-relazzjoni diplomatika ristretta bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija.