L-Unjoni Ewropea tgħid li hi mxebba’ bit-traġedji tal-immigranti

Il-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea qalet li ddejqet tisma’ bi traġedji ġodda fil-Mediterran, bl-aħħar waħda tkun dik li ġrat ftit tal-jiem ilu ‘l barra mill-kosta Libjana fejn jidher li għerqu aktar minn 200 persuna.
Il-Kummissjoni rringrazzjat lill-Italja tal-isforzi kbar li qed tagħmel biex tgħin u ssalva lill-immigranti.  L-Unjoni qalet li se tibqa’ impenjata tgħin lill-Italja f’din il-ħidma umanitarja.
Min-nhar il-Ġimgħa sa issa, mill-Kanal ta’ Sqallija ġew salvati mill-għarqa aktar minn 3,500 persuna.  L-aħħar li ġew salvati kienu 215-il immigranti, u fosthom kien hemm 55 mara u 38 tfal taħt l-età.