L-Unjoni Ewropea ssaħaħ il-ħidma favur il-Libertà Reliġjuża

L-Ewropa tagħraf l-importanza tal-Libertà Reliġjuża

Il-protezzjoni tal-Libertà Reliġjuża jew Twemmin ngħatat aktar importanza mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u mill-pajjiżi membri mill-2016 ‘l hawn.

Id-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali m’għandhom ebda ġerarkija iżda hemm bżonn li l-Libertà tar-Reliġjon u t-Twemmin titqies bħala rekwiżit essenzjali għall-Unjoni Ewropea u l-istati membri fit-tfassil tal-politika interna u esterna tagħhom.

Dawn huma fost il-konklużjonijiet ġenerali tar-Rapport Annwali tal-Grupp tal-Parlament Ewropew dwar il-Libertà Reliġjuża u Twemmin u t-Tolleranza Reliġjuża li jiġbor fih membri tal-Parlament Ewropew minn diversi fehmiet politiċi li huma dedikati li jaraw li l-Unjoni Ewropea tippromwovi u tipproteġi dawn id-drittijiet.

Il-Ministeri tal-Affarijiet Barranin ta’ diversi pajjiżi membri irrikonoxxew l-importanza ta’ dawn id-drittijiet u ħatru persuni jew gruppi biex jippromovuhom.  Fost dawn kien hemm Franza, l-Olanda, id-Danimarka u l-Ingilterra.

Ir-rappreżentant speċjali tal-Unjoni Ewropea dwar id-Dirttijiet Umani, Stavros Lambrinidis tkellem dwar l-importanza ta’ dawn id-drittijiet f’diversi okkażjonijiet . Qed jiżdied ukoll it-taħriġ fost membri tal-Korp Diplomatiku tal-UE dwar dawn id-drittijiet u aktar tard dan ix-xahar f’laqgħa fi Brussel il-Kapijiet tad-Delegazzjoni tal-pajjiżi membri se jkollhom sessjoni apposta biex jiddiskutu dawn id-drittijiet.

Min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, il-Mibgħut Speċjali għall-Promozzjoni tal-Libertà Reliġjuża, Jan Figel, wettaq diversi missjonijiet fl-Iraq, in-Niġerja, il-Bosnia, l-Pakistan u s-Sudan biex jiddiskuti dawn id-drittijiet.

Il-Parlament Ewropew stess ħatar li Andrzej Grzyb bħala Rapporteur fuq il-Linji Gwida u l-mandat tal-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-promozzjoni tal-Libertà Reliġjuża u t-Twemmin, barra mill-Unjoni Ewropea.

Madankollu l-Grupp iħoss li fadal aktar xi jsir.  Il-Mibgħut Speċjali għandu jkollu post “full time” u jingħata aktar riżorsi.

Aktar gvernijiet qed jirrealizzaw l-importanza ta’ dan is-suġġett. Illum hu rikonoxxut mhux biss li r-rwol tar-reliġjon u t-twemmin hu importanti f’pajjiżi tat-tielet dinja tant li dan ma jistax ikun injorat fir-relezzjonijiet esteri tal-Unjoni Ewropea. Barra minn dan organiżazzjonijiet reliġjużi u l-mexxejja tagħhom għandhom rwol kostruttiv fil-qasam tat-tfittxija għall-paċi, partikolarment permezz tar-rikonċijazzjoni, għajnuna umanitarja, governanza tajba u l-politika ta’ żvilupp.

Il-Linji Gwida tal-UE jipproteġu r-reliġjonijiet kollha. Dan għandu jkun enfasizzat u tingħata attenzjoni partikolari lil dawk ir-reliġjonijiet bla vuċi.