L-Unjoni Ewropea se tivverifika l-prodotti fl-iskandlu tal-laħam taż-żiemel

L-Unjoni Ewropea nediet programm ta’ verifikar fl-iskandlu tal-prodotti tal-laħam taż-żiemel. Hu rrappurtat li numru ta’ prodotti li tqassmu fl-isptarijiet fl-Irlanda ta’ Fuq huma kkontaminati filwaqt li fl-Ingilterra, wieħed u ħamsin skola irċevew prodotti li jinkludu laħam taż-żiemel.

Il-każ fir-Renju Unit wassal għal rabja kbira fost għadd kbir ta’ ġenituri, filwaqt li hu rrappurtat li s’issa tnax -il pajjiż huma affettwati minn dan l-iskandlu.

Filwaqt li l-Unjoni Ewropea approvat programm ta’ testijiet tad-DNA biex jiġi analizzat dan l-iskandlu, l-Kummissarju Ewropew għas-saħħa Dr Tonio Borg sostna li m’għandux għalfejn jinħoloq paniku u sakemm ikun hemm prova li hi kwistjoni ta’ sigurtà fl-ikel, s’issa l-każ se jibqa’ trattat bħala kwistjoni ta’ tikketti.