“L-Unjoni Ewropea qed taħlilna l-ħin” – Erdogan

L-Unjoni Ewropea qed taħli ħin it-Turkija, u jekk taqbad u tiddeċiedi li m’hemmx post għat-Turkija fi ħdanha, ikun aħjar ħalli mmexxu bil-pjanijiet l-oħra, għax l-UE mhix indipsensabbli għalina.
Dan il-kliem qalu l-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, waqt intervista mal-BBC, meta enfasizza li t-Turkija kapaċi toqgħod bilwieqfa waħedha, u m’għandhiex bżonn l-għajnuna ta’ ħaddieħor.
Dawn l-asserzjonijiet jitfgħu f’fell ikrah l-attentati tat-Turkija sabiex issir membru tal-UE, iżda Erdogan saħaq li t-Turkija tinsab rilassata li jekk ma tiġix aċċettata hemm pjan B u anki pjan Ċ lesti biex jiġun attwati.
Huwa qal li meta sar president, waqt is-summit tal-mexxejja, l-UE kienet iddeskriviet lit-Turkija bħala pajjiż li qed jagħmel rivoluzzjoni siekta, iżda llum il-ġurnata t-Turkija lanqas tiġi mistiedna għal das-summit.
Irrimarka li t-Torok m’għadhomx iridu aktar lill-UE, u s-sentiment ġenerali hu li n-negozjati min-naħa Ewropea mhumiex sinċieri.
Erdogan ċaħad ukoll li hemm 150 ġurnalist fil-ħabsijiet tat-Turkija, ftit jiem wara li ġie estiż iż-żmien ta’ priġunerija tad-Direttur lokali tal-Amnesty International, flimkien ma’ disa’ oħra.
Erdogan wieġeb li żewġ persuni biss hemm fil-ħabs li għandhom kard li turi li huma ġurnalisti.
Skont il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti, it-Turkija hija l-aktar pajjiż li titfa’ l-ħabs lill-ġurnalisti. Erdogan qal li dan mhux minnu, u l-persuni li jinsabu l-ħabs ma jfissirx li għax għandhom kard huma ġurnalisti. Insista li ħafna minnhom qegħdin hemm għax ikkollaboraw ma’ organizzazzjonijiet terroristiċi, inkella wettqu vandaliżmu waqt xi protesta.
Mistoqsi dwar it-tensjoni fil-Golf Għarbi minħabba s-sanzjonijiet tal-Eġittu, l-Arabja Sawdija, il-Baħrejn u l-Emirati Għarab Magħquda fuq il-Qatar, fosthom it-talba li tingħalaq il-bażi militari Torka fil-Qatar, Erdogan wieġeb li ma jrid jara ebda Musulman joqtol Musulman ieħor.
Temm jistaqsi lill-ġurnalist sabiex imur u jara jagħmlux l-istess l-Istati Uniti, Franza jew ir-Renju Unit.