Read in English.
Il-kunsill tal-Forum Unions Maltin (For.U.M.) qed jitlob li ssir laqgħa mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku (MCESD) sabiex jiddiskutu l-aħħar żviluppi dwar il-pandemija, it-tilwim industrijali fil-pajjiż tal-aħħar jiem u t-tneħħija tal-konsulent ewlieni mill-kordinazzjoni tal-ħidma fil-pandemija.
Fi stqarrija, il-For.U.M. ħabbar li ddeċieda dan waqt laqgħa li saret ilbieraħ.
Il-For.U.M għalhekk kiteb liċ-Chairperson tal-MCESD James Pearsall biex issir din il-laqgħa.
Huwa ngħaqad mat-talbiet li saru minn diversi unjins u organizzazzjonijiet sabiex il-Gvern jirtira d-deċiżjoni dwar it-tneħħija ta’ Dr Kenneth Grech. Dr Grech ingħata trasferiment nhar it-Tnejn filgħodu wara li huwa rrakkomanda kawtela lill-Ministeru tal-Edukazzjoni fil-ftuħ tal-iskejjel. Kien dan il-parir li wassal biex l-Unjin tal-Għalliema (MUT) tordna strajk ta’ jumejn għall-għalliema. Madankollu, il-Gvern ċaħad li din kienet ir-raġuni għaliex il-konsulent ingħata trasferiment.
Il-For.U.M. sostna li s-sitwazzjoni tal-pandemija għandha tittieħed bis-serjetà u fl-istess waqt Malta ma tistax tarmi l-aqwa riżorsi umani li għandha fuq il-kontroll tal-pandemija.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.