“L-unjins kollha fil-qasam tas-saħħa kuntenti bi Steward” – Fearne

Il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, qal li l-unjins kollha fil-qasam tas-saħħa laqgħu b’ottimiżmu t-tmexxija tat-tliet sptarijiet minn Steward Healthcare Systems.
“Fl-aħħar ġimgħat, flimkien mat-tmexxija ġdida ta’ Steward Healthcare, kellna diversi laqgħat mal-unjins ikkonċernati. Ninsab sodisfatt li qegħdin naraw entużjażmu kbir għal dan il-proġett”, qal id-Deputat Prim Ministru.
Dan irrimarkah waqt laqgħa li l-General Workers’ Union kellu mat-tmexxija ta’ Stwerd, liema laqgħa pparteċipa fiha l-Ministeru għas-Saħħa.
Matul din il-laqgħa ġew diskussi diversi punti fosthom li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jibqgħu l-istess u li l-ħaddiema jibqgħu impjegati mal-Gvern u li s-servizz fl-Isptar San Luqa, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u l-Isptar Karen Grech jibqa’ b’xejn għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Nadine Delicata, iċ-Chief Operating Officer ta’ Steward Healthcare, qalet li dan se jkun żmien eċitanti għal dawn it-tliet sptarijiet u l-ħaddiema kollha li jaħdmu fihom.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, qal li jinsabu sodisfatti li nfetaħ djalogu bejn Steward Healthcare u l-Ministeru għas-Saħħa.
“Il-ħaddiema tagħna f’dawn l-isptarijiet se jibqgħu ħaddiema tal-istat bil-kundizzjonijiet kollha milħuqa fi ftehimiet li jkun hemm mal-Gvern. Ninsabu ottimisti li Steward Healthcare f’Malta se toffri oppportunitajiet lil ħaddiema tagħna biex ikompli jitjieb is-servizz tas-saħħa f’pajjiżna”, qal Bugeja.
Tlitt ijiem ilu l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) issiġillat il-ftehim mal-Gvern li kien ilu ġej, wara kwistjonijiet li l-MAM kellha dwar il-mogħdija tal-isptarijiet mill-VGH għal Steward.