L-istudenti għalliema għandhom jitħallsu tal-prattika? – L-unjins iwieġbu

Iż-żewġ Unjins ewlenin tkellmu dwar jekk l-istudenti li jkunu għadhom qed jistudjaw għall-għalliema għandhomx jitħallsu, fejn qasmu żewġ idejat kemmxejn differenti.

Il-President tal-Unjin għall-Għalliema Professjonali (UPE), Graham Sansone, qal ma’ Newsbook.com.mt li l-unjin qed tistenna bi ħġara żmien fejn l-istudenti li qed jistudjaw fl-Università u istituzzjonijiet oħrajn lokali u li jkollhom jaħdmu bħala parti mill-kors, jitħallsu pro-rata. Sansone insista li b’dan il-mod, aktar studenti jaf jiġu inkoraġġuti sabiex jidħlu għal professjonijiet li bħalissa forsi mhumiex daqshekk popolari qalb l-għażliet, inkluż il-professjoni ta’ edukatur.

Attenti mill-isfruttar waqt l-internships – student

Intant, min-naħa tiegħu, il-President tal-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) Marco Bonnici sostna li jekk il-prattika hija parti minn kors u hija bżonnjuża sabiex wieħed jissodisfa l-kriterji biex jikkwalifika, huwa normali li l-istudenti ma jirċevux paga u dan sabiex jibqgħu jirċievu l-istipendju. Intant spjega li “jekk ix-xogħol mhux parti integrali mill-assessjar tal-kors u l-persuna qed taħdem, l-MUT temmen li l-istudent għandu jitħallas u jasal għal qbil fuq paga aċċettabbli għall-kwalifiċi u l-esperjenzi tal-individwu, jekk ma hemmx ftehim kollettiv li jiddetermina dawn x’għandhom ikunu diġà.

Internship f’Malta: “Aħdimli b’xejn għall-esperjenza”

Mistoqsijin jekk huma jirrappreżentawx studenti li jaħdmu mingħajr ma jaqilgħu paga, iż-żewġ Unjins qalu li iva. Il-UPE toffri li l-istudenti fil-Fakultà tal-Edukazzjoni jsiru membri tagħha mingħajr ħlas u toffrilhom l-istess servizzi tal-membri li huma gradwati u qed jaħdmu bħala għalliema. Sansone sostna li b’dan il-mod jassiguraw li ma jkunx hemm abbużi mis-superjuri tagħhom. Intant l-MUT spjegat li wkoll toffri li l-istudenti li qed jistudjaw fil-qasam edukattiv jissieħbu magħha bħala membri mingħajr ħlas.