L-unjins b’appell lill-PM biex isalva l-impjiegi mal-Air Malta

Aġġornat 05:27 PM

Read in English.

Il-European Cockpit Association hija l-aħħar minn sensiela ta’ unjins li kitbu lill-Prim Ministru Robert Abela biex isalva l-impjiegi tal-piloti tal-Air Malta. Aktar kmieni l-Forum Unjins Maltin (For.U.M.) appella lill-Prim Ministru biex jintervjeni bejn l-Air Malta u l-Unjin tal-Cabin Crew (UCC) sabiex jiġu salvati l-impjiegi tal-ħaddiema mal-linja tal-ajru.

L-Assoċjazzjoni Ewropea, li tirrappreżanta 40,000 piloti inklużi dawk tal-Air Malta, qalet li l-maniġment tal-Air Malta ħadha qatta bla ħabel kontra l-ħaddiema li għandhom ftehim kollettiv iffirmat sa Diċembru 2022. Hija fissret li l-Unjoni Ewropea qed taħdem biex tipprovdi pakketti ta’ għajnuna biex il-ħaddiema jżommu l-pagi tagħhom sakemm il-kriżi tgħaddi u l-ekonomiji madwar l-Ewropea jerġgħu jibdew jaħdmu.

L-Assoċjazzjoni qalet li l-membri tagħha qed jiġu intimidati mill-maniġment li qalu li ħadu tnaqqis ta’ 10% fil-pagi tagħhom.

Ftit tal-jiem ilu, l-Air Malta ħabbret li minħabba li ma laħqetx ftehim mal-unjins kollha tal-ħaddiema tagħha, se jkollha fost l-oħrajn tkeċċi 80% tal-bdoti tagħha, jiġifieri 108 bdoti.  

Fi stqarrija, il-For.U.M. qal li jemmen li dan mhux il-mument li l-Air Malta “toqgħod tilgħab bl-impjieg ta’ dawn il-ħaddiema.”

L-istqarrija tgħid li “Issa li l-Union tal-Cabin Crew aċċettaw mingħajr riżerva t-talbiet li għamlet il-kumpanija, l-Air Malta għandha tkun responsabbli u timplimenta l-kundizzjonijiet li qalet li se tadotta jekk l-Unjin taċċetta t-talbiet tagħha b’effett mis-7 ta’ April 2020.”

Il-Forum issokta jgħid li jeħtieġ li jkun hemm is-sens komun kif sar mas-settur privat. Huwa offra ruħu bħala medjatur biex tinstab soluzzjoni.