L-Unjin tal-Cabin Crew bi protest ġudizzjarju kontra Abela u Schembri

Read in English.

L-Unjin tal-Cabin Crew (UCC) fetħet protest ġudizzjarju kontra l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, b’appell sabiex dawn jintervjenu fid-dibattitu bejn l-Air Malta u l-cabin crew, li għadhom ma sabux ftehim fuq il-kwistjoni ta’ bejniethom.

Fi stqarrija maħruġa llum, l-Unjin qalet li dan il-protest ġudizzjarju jiġi wara n-notifika tal-Air Malta ta’ għadd ta’ tkeċċijiet, u tal-pjanijiet tagħha li tnaqqas il-ħaddiema tal-cabin crew minn 333 għal 49, jiġifieri se jintilfu madwar 284 xogħol. Uħud minn dawn l-impjegati ilhom jaħdmu mal-Air Malta għal snin twal.

L-Unjin qalet li fl-2016, il-Ministru għat-Turiżmu ta’ dak iż-żmien, Edward Zammit Lewis, kien daħal fi ftehim privat mal-unjin, li kienet tagħti numru ta’ garanziji bil-patt li jitnaqqsu ħafna affarijiet mill-ftehim kollettiv. Dawn il-garanziji inkludew ukoll garanzija li l-impjieg jissokta, u din il-garanzija, saħqet il-UCC, qiegħda tinkiser mill-pjanijiet tal-Air Malta.

Issoktat tgħid li l-Gvern naqas milli jintervjeni f’dil-kwistjoni u injora lill-unjin kompletament. Skont l-Unjin, dan bi ksur tal-obbligu tiegħu li jżomm mal-ftehim tal-2016.

L-Air Malta qalet li l-impjiegi tagħha se jkunu salvagwardjati biss jekk ikun assigurat li l-linja tal-ajru terġa’ tqum bil-qawwa fuq saqajha. Dan ix-xahar il-General Workers’ Union (GWU) qalet li l-ħaddiema rappreżentati minnha fl-Air Malta Aviation Services u fl-Air Malta vvutaw favur ftehim li bih jieħdu paga soċjali ta’ mhux inqas minn €1,200 fix-xahar. Il-ftehim huwa għal erba’ ġimgħat u jista’ jerġa’ jiġġedded.

Għall-ewwel, il-UCC m’aċċettatx l-offerta tal-kumpanija imma mbagħad 90% tal-cabin crew ivvota favur dak li proponiet l-Air Malta, imma l-linja tal-ajru qalet li dan mhux biżżejjed biex jiġi żgurat li għandha l-koperazzjoni sħiħa tal-unjin fuq il-kwistjoni.

Il-protest ġudizzjarju f’isem il-UCC tressaq mill-Avukati Paul Gonzi u Thomas Bugeja.