L-Universitarji jistaqsu jekk f’Malta hawnx is-Saltna tad-Dritt

“X’inhi s-Saltna tad-Dritt?” Din il-mistoqsija kienet il-qofol ta' konferenza organizzata mill-Għaqda Studenti tal-Liġi, fil-Palazz Verdala.
Is-saltna tad-dritt  hija prinċipju legali li biha pajjiż jiġi iggvernat bil-liġijiet minflok jitmexxa minn persuni individwali jew bi Gvern li jkun dittatorjali.
Waqt il-konferenza tkellem fost l-oħrajn il-Perit-Avukat Dr Robert Musumeci, li qal li kieku f'Malta ma teżistix is-saltna tad-dritt, "l-investigazzjonijiet li qed isiru bħalissa ma kinux isiru”. Madankollu, saħqu li ma jfissirx li m’hemmx lok fejn din titjieb.
Dr Mario Mallia, Glen Micallef u Dr Joseph Grech li kienu fuq il-panel politiku  qablu ma’ dan is-sentiment u sostnew li għalhekk ngħixu f’demokrazija. 
Fil-panel akkademiku, li fih kien hemm Dr Musumeci, iddibattew ukoll Dr Ivan Mifsud u Dr Tonio Borg. 
Kull dibattitu beda minn stħarriġ li sar fuq id-definizzjoni tas-saltna tad-dritt, lil studenti tal-Università jew li għadhom kemm iggradwaw. Matul il-konferenza ħareġ li ħafna mit-tweġibiet ma kinux dettaljati biżżejjed, jew saħansitra kien hemm ħafna tweġibiet skorretti għall-aħħar.
Fl-aħħar mill-aħħar, l-Għaqda Studenti tal-Liġi tisħaq li huwa importanti li nagħrfu li m’hemm l-ebda tweġiba perfetta għal dawn il-mistoqsijiet. Sostniet li huwa l-irwol ta’ poplu edukat u infurmat li jagħraf jekk is-saltna tad-dritt teżistix f’Malta, u jekk iva, x’għandu jsir biex is-sitwazzjoni dejjem titjieb.