​L-Universitarji jagħtu l-ewwel telfa staġjonali lill-Beltin

Wara t-tmiem tal-ewwel rawnd u l-waqfa għall-festi tal-Milied, din il-ġimgħa ssokta l-istaġun tal-futsal lokali, bil-logħbiet tal-kwarti tal-finali tan-Knock Out.
Spikkat fost l-oħrajn it-telfa mhux mistennija għall-Beltin, wara li temmew l-ewwel rawnd tal-kampjonat bla telfa. Ir-rebħa ta’ 4-2 li t-tim tal-Università ta’ Malta kiseb fuq Valletta.
Nermin Hasanbegovic u Shawn Deguara poġġew lill-Universitarji fil-vantaġġ, filwaqt li Mohammed Lamari skurja ż-żewġ gowls għal Valletta. Għaldaqstant l-Universitarji reġgħu kisbu l-vantaġġ, permezz ta’ Gary Inguanez. Fl-aħħar minuta, meta l-Beltin tefgħu kollox fuq l-attakk b’Murtaz Kakabadze bħala flying keeper, il-goal keeper Universitarju Dylan Cacciatolo ra l-lasti avversarji vojta u skurja minn naħa għall-oħra. B’hekk bl-iskor finali ta’ 4-2, it-tim tal-Università għamilha għas-semi-finali.
Luxol ukoll, bla tbatija, għamluha għas-semifinali meta għelbu lil Marsaskala bl-iskor ta’ 11-1. Swieqi United kellhom ukoll wirja ferm tajba u għamluha għas-semifinali, meta għelbu lil Pietà Nordiska bl-iskor ta’ 5-1. Il-Ħamruniżi wkoll aċċertaw posthom fis-semifinali meta għelbu lil Tarxien JMI bl-iskor ta’ 5-2.
Intant il-ġimgħa d-dieħla jibda l-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni, b’dawn il-logħbiet:
It-Tnejn 15/1/18
Fit-8:00pm L-Università ta’ Malta vs Swieqi United U21
Fid-9:15pm Pietà Nordiska vs Marsaskala
Il-Ħamis 18/1/18
Fit-8:00pm Tarxien JMI vs Qormi
Ritratt: Joe Borg