L-Università u l-MUT jikkritikaw id-deċiżjoni “dannuża” tal-Ministeru

Kemm il-Prof. Sandro Caruana, Dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni, kif ukoll Marco Bonnici, il-President tal-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT), ikkritikaw id-deċiżjoni kontroversjali tal-Gvern li jdaħħal studenti universitarji jgħallmu xi suġġetti li għalihom bħalissa m’hemmx għalliema.
Caruana u Bonnici kienu qed jieħdu sehem fil-programm Newsline fuq RTK ta’ lbieraħ.
Caruana ddeskriva din id-deċiżjoni tal-Gvern bħala waħda dannuża għall-professjoni tal-għalliema. Huwa qal li billi xi ħadd jagħmilha ta’ għalliem u ma jkunx jistħoqqlu dak l-isem il-kwalità tal-professjoni se tmur il-baħar maż-żmien.
Huwa żied jgħid li l-pajjiż qed ibati minn ippjanar fit-tul biex jindirizza nnuqqas ta’ għalliema.
Kien nhar il-Ħamis meta l-Ministeru tal-Edukazzjoni bagħat imejl lill-istudenti kollha tal-Università ta’ Malta, li jekk iridu jaħdmu part-time bħala edukaturi jistgħu jagħmlu dan.
Il-Ministru spjega li dan sar sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas t’għalliema f’diversi suġġetti, ewlenin fosthom l-Accounts, il-Chemistry, il-Bioloġija, l-Integrated Science, l-ICT u l-Computer Studies.
Sorsi infurmati qalu ma' Newsbook.com.mt li l-Fakultà tal-Edukazzjoni għada se tibgħat komunikat lill-istudenti kollha tal-Masters in Teaching and Learning (MTL) li fih se tagħtihom linji gwida ta’ kif jistgħu iwieġbu għall-proposta tal-Gvern li jmorru jaħdmu part-time bħala għalliema.
Hu mifhum li dan minħabba li l-kors biex issir għalliem huwa impenjattiv immens, u fil-fatt il-Fakultà tiskuraġġixxi lill-istudenti tagħha milli jaħdmu waqt il-kors.
Il-mistieden l-ieħor tal-programm Newsline, il-President tal-Unjin Maltija tal-Għalliema, Marco Bonnici, irrimarka li jekk wieħed joqgħod fuq dak li qal il-Ministeru, jiġifieri li hemm neqsin 8 għalliema, mela m’hawnx problema.
Żied iżda li diċ-ċifra mhix minnha, u b’eżempju ġab l-4 Ċentri tar-Riżorsi, li waħedhom biss hemm 20 għalliem nieqes fihom.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ studenti fl-MTL, għalliema ġodda (NQTs), u eksstudenti f’korsijiet tal-għalliema, u fost l-oħrajn dawn esprimew li mhix loġistikament possibbli li taħdem u tistudja waqt li qed tagħmel kors ta’ dan il-kalibru. 
Ritratt: Arkivji