L-Università titlob lil-lekċerers jipposponu vjaġġi għaċ-Ċina

Read in English.

L-Università bagħtet email lil-lekċerers u lill-istudenti tavżahom biex ma jsifrux iċ-Ċina sakemm ikun hemm xi żviluppi dwar l-epidemija tal-coronavirus. Hija talbet lill-akkademiċi li għandhom xi vjaġġi ppjanati għaċ-Ċina biex għalissa jipposponuhom.

L-email li ntbagħat mill-Uffiċċju tar-Reġistratur jgħid li dawk l-istudenti jew impjegati li jaslu miċ-Ċina f’dawn il-ġranet, għandhom jitqiegħdu fi kwarantina għal ġimagħtejn u jimxu mal-istruzzjonijiet li ta l-Ministeru għas-Saħħa.

Il-Ministeru għas-Saħħa talab lin-nies ġejjin miċ-Ċina biex jimmoniterjaw lilhom infushom, billi jiċċekkjaw it-temperatura tad-deni darbtejn kuljum u jżommu rekord tagħha, joqogħdu attenti għas-sogħla li jkollhom, jekk ikollhom griżmejhom misluħin u joqogħdu attenti wkoll jekk jaqtgħux nifishom.

Dawk li jiżviluppaw is-sintomi msemmija għandhom jibqgħu d-dar u jċemplu fuq 21324086 għall-assistenza medika. Il-Ministeru għas-Saħħa wissa li ma jaqbilx li dawn iżuru l-emerġenza, xi klinka tas-saħħa jew klinika privata.

Is-Supretendent tad-Dipartiment tas-Saħħa Dr Charmaine Gauci dalgħodu kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li sar it-tieni test għall-coronavirus f’Malta, iżda dan ukoll irriżulta fin-negattiv.