L-Università tibdel fehmitha dwar il-gradwazzjoni wara l-ilmenti tal-istudenti

Aġġornat 10:29 PM

Filwaqt li r-Rettur tal-Università ta’ Malta Prof. Alfred Vella ħabbar li ċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni tal-2020 se jitħassru, diversi studenti qalu li ma jaqblux ma’ din id-deċiżjoni. Wara l-ilmenti ta’ bosta studenti u għaqdiet, ittieħdet id-deċiżjoni li l-gradwazzjoni din is-sena xorta ssir f’Novembru u f’Diċembru minkejja l-pandemija tal-coronavirus.

Ilbieraħ, l-Università ta’ Malta ppubblikat nota ffirmata mir-Rettur li tgħid kif is-Senat tal-Università ħa d-deċiżjoni biex ma jsirux iċ-ċelebrazzjonijiet tal-gradwazzjoni li ssoltu jkunu matul Novembru u Diċembru. Dan minħabba l-inċertezza li qed tħalli fil-pajjiż u l-bqija tad-dinja, il-pandemija tal-coronavirus.

Fin-nota, Prof. Vella qal li biex ma jkunx hemm ittardjar fit-tqassim tad-degrees u d-diplomas, is-Senat iddeċieda li dawn jitqassmu lill-gradwati in absentia fl-20 ta’ Novembru tal-2020. Wara din id-data, l-istudenti se jintalbu jiġbru ċ-ċertifikat formali tagħhom mill-Università. L-Università se tkun qed tħabbar dettalji dwar dan fil-futur filwaqt li se tara li jkun hemm arranġament biex iċ-ċertifikati jaslu wkoll għand dawk il-gradwati li jgħixu barra mill-pajjiż.

Intant, kien spjegat li l-Università qed tippjana li ċ-ċerimonji formali u l-quddisiet ta’ radd il-ħajr għal dawn il-gradwati jsiru fi Frar u Marzu tal-2021. Ir-Rettur qal li d-dettalji dwar dan se jkunu ppubblikati wara li s-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika tippermetti li l-Università tagħmel pjanijiet definittivi. Qal li dan dejjem bil-għan li s-saħħa tal-istudenti u l-mistiedna tagħhom tkun garantita.

Newsbook.com.mt kien infurmat li d-dati l-ġodda taċ-ċerimonji se jkunu bejn it-22 ta’ Frar u t-12 ta’ Marzu.

Aktar tard filgħaxija, ir-Rettur bagħat email lill-istudenti universitarji li fih qal illi ttieħdet id-deċiżjoni li l-gradwazzjoni ssir din is-sena xorta, peress li kien hemm ħafna studenti li wrew id-diżappunt tagħhom li wara snin ta’ ħidma, ma kinux se jingħataw ir-rikonoxximent li jistħoqqilhom fi żmien xieraq.

L-oġġezzjonijiet

“It-turisti jistgħu jidħlu imma l-gradwazzjoni ma tistax issir” – studenti

Kienu diversi dawk l-istudenti li kienu bi ħġarhom qed jistennew li jiggradwaw li qalu li ma jistgħux jifhmu għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni issa, meta suppost il-pajjiż ġej lura għan-normal.

Studenta partikolari qalet fuq Facebook li l-gradwazzjoni huwa mument li kull student ikun ilu jistennieh snin twal. Qalet li hi ma kellha l-ebda problema li ċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni titmexxa jew tkun ikkanċellata li kieku s-sitwazzjoni fil-pajjiż kienet sejra għall-agħar. Qalet iżda li s-sitwazzjoni issa hija waħda differenti.

Sostniet illi bħalissa fil-pajjiż deħlin it-turisti, il-parties reġgħu bdew isiru, il-pubbliku jista’ jsiefer u jista’ jagħmel dak kollu li jixtieq, “imma l-gradwazzjoni le”.

Oħrajn insistew li jinsabu diżgustati b’din id-deċiżjoni tal-Università. Kien hemm min qal li hemm bżonn li kulħadd jieqaf juża l-coronavirus bħala skuża għall-għażż.

Intant kien hemm min qal li din id-deċiżjoni ma tagħmlilhomx daqshekk differenza u jifhmu għaliex kellha tittieħed. Qalu li l-istudenti xorta waħda jistgħu jiċċelebraw il-gradwazzjoni tagħhom ma’ sħabhom mingħajr il-bżonn ta’ ċerimonja uffiċjali.

“Ikkunsidraw mill-ġdid id-deċiżjoni dwar il-gradwazzjonijiet” – KSU

Il-Kunsill Studenti Universitarji talab lill-Università sabiex tikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni li tipposponi ċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni li tradizzjonalment isiru fix-xhur ta’ Novembru u Diċembru.

Il-Kunsill qal li ċ-ċerimonji huma l-kulminazzjoni ta’ snin twal ta’ xogħol ta’ eluf ta’ studenti u mument ta’ kburija għall-familji tagħhom. Sostna li n-natura emozzjonali ta’ dawn iċ-ċerimonji jistħoqqilha deċiżjoni li tittieħed b’aktar sensittività.

Sostna li fil-preżent il-pajjiż m’għadux fi stat ta’ emerġenza ta’ saħħa pubblika u li l-maġġoranza tar-restrizzjonijiet tad-distanza soċjali li qabel kienu fis-seħħ tneħħew. B’hekk m’hemm xejn li qed iwaqqaf milli dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ma jsirux.

Il-KSU insista li ċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni m’għandhomx ikunu posposti u li din id-deċiżjoni għandha tittieħed biss f’każ li s-sitwazzjoni fil-perjodu aktar viċin taċ-ċerimonji tkun waħda perikoluża. Qal li bħalissa jinsab f’kuntatt mal-amministrazzjoni tal-Università ta’ Malta bil-għan li tinstab soluzzjoni kemm għall-gradwati kif ukoll għall-Università.

“Deċiżjoni prematura” – SDM

L-Għaqda Studenti Demokristjani Maltin (SDM) qalet li d-deċiżjoni tal-Università ta’ Malta kienet waħda prematura. Sostniet li l-pajjiż m’għadux fi stat ta’ emerġenza ta’ saħħa pubblika u b’hekk m’hemmx raġuni valida għal dan il-posponiment.

L-SDM sostniet li l-għoti taċ-ċertifikati f’Novembru se twassal biex l-eventwalità taċ-ċerimonji fl-2021 tkun irrelevanti. Sostniet li l-Università messa aġixxiet b’aktar sensittività fil-konfront ta’ dawn l-istudenti.

L-għaqda qalet li se tkun qed tikkuntattja lill-Università ta’ Malta dwar dan għax temmen li għad hemm ċans li tissolva din il-problema.

Il-posponiment tal-gradwazzjonijiet “easy way out” – Pulse

Intant, l-għaqda studenteska Pulse qalet li l-posponiment tal-gradwazzjonijiet kienet “easy way out”. Sostniet li minflok, l-Università messha ħarset lejn alternattivi differenti bħal li tagħmel iċ-ċelebrazzjonijiet qabel, jew li dawn isiru f’post fuq barra.

Il-Pulse qalet li dan il-perjodu kien ta’ sfida għal kulħadd, b’mod speċjali għall-istudenti u b’din id-deċiżjoni, l-istudenti qed jitpoġġew taħt pressjoni akbar minflok jingħataw il-premju tagħhom ta’ wara snin twal ta’ studju.

Il-Pulse qalet li diġà għamlet kuntatt mal-Università ta’ Malta dwar din is-sitwazzjoni u qed tinkoraġġixxi lill-amministrazzjoni sabiex tħares lejn is-sitwazzjoni u żżomm f’moħħha dejjem il-benefiċċju tal-istudenti.