L-Università tgħin fid-diżinfettazzjoni tal-maskri

Grupp ta’ ħaddiema mill-Università ta’ Malta ngħaqdu flimkien biex jipproduċu apparat li jiddiżinfetta l-maskri permezz tat-teknoloġija tal-Ultraviolet. L-inizjattiva li hija mmexxija mill-Inġinier Marc Anthony Azzopardi ġabet flimkien għadd ta’ tekniċi, mastrudaxxi u akkademiċi biex jaħdmu fuq dan il-proġett.

Intqal li l-akkademiċi qed jaħdmu l-iljieli u matul il-weekenda filwaqt li t-tekniċi qed jaħdmu fuq roster matul il-ġurnata biex ikomplu għaddejjin bil-linja ta’ produzzjoni.

Fi stqarrija, l-Università qalet li diġà rċeviet talbiet mill-isptarijiet, spiżeriji, għaqdiet u negożjanti għal dan l-apparat speċifiku iżda qalet li dan għandu jintuża f’mumenti kritiċi peress li għadu mhux iċċertifikat. L-Università qalet li għadd ta’ pajjiżi qed jużaw apparat simili peress li f’dawn iż-żminijiet tal-pandemija qed ikun hemm domanda qawwija għall-Personal Protective Equipment (PPE). L-Università spjegat li r-Renju Unit kien wieħed mill-aħħar pajjiżi li ħeġġeġ biex il-PPE jitnaddaf u jerġa’ jintuża biex ma jkunx hemm ħela.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn