L-Università ta’ Malta u PBS se jniedu sensiela televiżiva dwar ir-riċerka xjentifika

Ftehim għal sena bejn l-Università ta’ Malta u l-Public Broadcasting Services se jwassal biex stazzjonijiet televiżivi tal-PBS jxandru programmi bl-Ingliż dwar proġetti ta’ riċerka xjentifika mill-Università.
B’hekk jitqajjem għarfien dwar id-diversi proġetti li jsiru fi ħdan l-Università ta’ Malta u biex il-pubbliku jifhem kif ir-riċerka tikkontribwixxi għal ħajja aħjar għas-soċjetà u għal soluzzjoni għal problemi varji.
Se jsir dokumentarju pilota, iffinanzjat mill-PBS, li se jkun l-ewwel minn sensiela ta’ 12-il programm. Il-partijiet se jkunu qed ifittxu sponsors biex jiffinanzjaw is-sensiela.
Il-ftehim kien iffirmat mir-Rettur tal-Università, Juanito Camilleri, miċ-Chairman tal-PBS, Tonio Portughese, fil-preżenza tal-Ministri Evarist Bartolo għall-Edukazzjoni u Owen Bonnici għall-Kultura.