L-Università ta’ Malta u l-MITA jilħqu ftehim għal aktar kollaborazzjoni

L-Università ta’ Malta u l-MITA iffirmaw ftehim ta’ qafas ta’ sentejn bejn biex tiġi stabbilita kollaborazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku sabiex jissawru numru ta’ inizjattivi skont ftehimiet separati bejn iż-żewġ partijiet.  Dan għandu l-iskop li jagħti flessibbiltà liż-żewġ organizzazzjonijiet li jridu jimpenjaw ruħhom f’kollaborazzjoni mifruxa f’fakultajiet differenti fl-Università, kif ukoll f’timijiet differenti fil-MITA.
Il-ftehim formali jipprovdi struttura għall-kollaborazzjoni, u jgħin ukoll biex jipprovdi kuxjenza fiż-żewġ partijiet dwar id-diversi inizjattivi maħsuba, u b’hekk tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ enerġija.
Billi l-MITA hija l-entità ċentrali li tmexxi l-politika, programmi u inizjattivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) tal-Gvern f’Malta, din tista’ toffri opportunitajiet aħjar biex studenti mid-diversi fakultajiet fl-Università jkollhom esperjenza tal-industrija tal-ICT.
Flimkien ma’ dan il-ftehim ta’ qafas, il-ftehim ta’ kollaborazzjoni u sponsorizzazzjoni jenfasizza d-diversi inizjattivi stabbiliti minn atturi differenti miż-żewġ naħat bħala mezz ta’ kollaborazzjoni. Tal-ewwel, li ġie  diskuss u ntlaħaq qbil fuqu mill-Fakultà tal-ICT, jinkludi numru ta’ inizjattivi li l-MITA qed tippjana, għal din is-sena akkademika.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella, u ċ-Chairman Eżekkuttiv tal-Aġenzija tat-Teknoloġija tal-Informatika ta’ Malta (MITA), is-Sur Tony Sultana, iffirmaw żewġ dokumenti ta’ ftehim dwar kollaborazzjoni fil-preżenza tal-Onor. Silvio Schembri, Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, l-Ekonomija Diġitali u l-Innovazzjoni, is-Sur Emanuel Darmanin, Kap tad-Dipartiment tal-Istrateġija u l-Kummerċ tal-MITA, il-Professur Frank Bezzina, Dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija, il-Management u l-Accountancy (FEMA) fl-Università ta’ Malta u Dr Ing. Nicholas Sammut, Viċi Dekan tal-Fakultà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT).