L-Università ta’ Malta tniedi stħarriġ nazzjonali dwar id-dijabete

L-Università ta’ Malta nediet studju ta’ sentejn, li se jibda f’Novembru, dwar id-dijabete.
“SAĦĦTEK” se jiġbor informazzjoni preċiża dwar il-prevalenza tad-dijabete u se jagħti stampa ta’ kundizzjonijiet relatati bħall-obeżità, il-pressjoni għolja, l-eżerċizzju fiżiku, it-tipjip, il-konsum regolari tal-alkoħol u drawwiet tal-ikel.
Tim mediku se jagħmel check-ups b’xejn minn kliniċi u ċentri tas-saħħa wara li dak li jkun jirċievi ittra biex jieħu sehem fl-istħarriġ nazzjonali.
L-individwi se jintagħżlu b’mod każwali mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
“SAĦĦTEK” mistenni jikkumplimenta stħarriġ ieħor li qed jitwettaq bħalissa mill-Ministeru tas-Saħħa, ukoll dwar waħda mill-iktar mard li jaffettwaw lill-parti kbira tal-popolazzjoni Maltija.
L-aħħar darba li sar studju simili kien fl-1981.
L-istudju qed isir mill-Università ta’ Malta flimkien ma’ The Alfred Mizzi Foundation bl-għajnuna ta’ Atlas Insurance.