​L-Università ma taqbilx mal-Gvern li studenti ma jeħdux stipendju

L-Università ta’ Malta ma taqbilx mad-deċiżjoni tal-Gvern li ma jagħtix stipendju lill-istudenti tal-kors tal-liġi li qed jagħmlu Diploma għall-Prokuratur Legali.
Ma’ Newsbook.com.mt, ir-Reġistratur tal-Università qalet li kitbet liċ-Ċermen tal-Maintenance Grants Board u fissret il-fehma tal-Università li dawn l-istudenti jixraq li jingħataw stipendju.
Spjegat li din it-talba qed tiġi kkunsidrata mill-Bord u tinsab infurmata li se tittieħed deċiżjoni fi żmien qasir.
Qalet li wħud mill-istudenti li mhux qed jieħdu stipendju tkellmu dwar dan mal-Uffiċċju tal-Istipendji fl-Università.
Ir-Reġistratur spjegat li l-kors tad-Diploma għall-Prokuratur Legali sar full-time b’60 credit ECTS minn din is-sena. Spjegat li min ikun qed jagħmel sena addizzjonali biex itemm xi taqsimiet mill-istudju pendenti mill-kors tal-LL.B. tħalla jagħmel dan il-Kors għad-Diploma għall-Prokuratur Legali fl-istess sena.
Aktar kmieni dan ix-xahar il-Ministeru tal-Edukazzjoni qal ma’ Newsbook.com.mt li dawn l-istudenti mhumiex eliġibbli għax qed jagħmlu sena addizzjonali. Żied jgħid li dawn l-istudenti minflok jagħżlu li jirrepetu l-istess sena fl-istess kors kif indikata fil-miżura tal-baġit, jagħżlu li jagħmlu sena addizzjonali.
Spjega li dan sabiex iġibu l-credits li ma kellhomx biex ikomplu fis-sena ta’ wara kif ukoll credits biex jikkwalifikaw għall-prokuraturi legali.
Uħud mill-20 student li qed isegwu dan il-kors qalu ma’ Newsbook.com.mt li qed iħossuhom diskriminati għax “mhux ġust li dawk li jirrepetu s-sena jingħataw stipendju” u huma jibqgħu b’xejn.