L-Università b’miżuri għal waqt l-eżamijiet f’Settembru

Read in English.

L-Università ħabbret il-miżuri li bihom se jsiru l-eżamijiet f’Settembru.

F’email mibgħut lill-istudenti, l-Università spjegatilhom liema miżuri qegħdin jittieħdu minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Dawn jinkludu:

  • L-ilbies tal-maskri huma u deħlin jew ħerġin għall-eżami (l-istudenti jistgħu jagħżlu li joqogħdu bil-maskra waqt l-eżami)
  • Hand sanitisers imferrxin madwar il-klassijiet
  • Distanza ta’ żewġ metri bejn kull mejda
  • Se tittieħed it-temperatura tal-istudenti; jekk it-temperatura tkun 37.2 gradi u tibqa’ hekk, dawn ma jitħallewx jagħmlu l-eżami

L-istudenti huma mitlubin ikunu preżenti għall-eżami tal-anqas nofs siegħa qabel jibda.

Dawk l-istudenti li jinzertaw qed jagħmlu kwarantina fid-data tal-eżami jiġu skużati jekk jibagħtu ittra uffiċjali mill-awtoritajiet tas-saħħa lill-fakultà rispettiva tagħhom. Dawn jingħataw iċ-ċans jagħmlu l-eżami f’temp ta’ ġimagħtejn wara li tispiċċalhom il-kwarantina.

Intant, filwaqt li l-Università kkomunikat mal-istudenti dwar l-eżamijiet, dawk li se jiggradwaw din is-sena għadhom ma semgħu xejn dwar jekk il-gradwazzjoni hix se ssir din is-sena. Mistoqsija minn Newsbook.com.mt, kelliema għall-Università qalet li s-sitwazzjoni għadha qed tiżviluppa u għalhekk ma tistax tiddeċiedi issa x’se jsir.

Lil hinn mill-gradwazzjoni, l-Università ħarġet bi pjan dwar il-lekċers sabiex tibda torganizzahom kemm online, kif ukoll fis-swali tal-Università f’Tal-Qroqq, mis-sena akkademika li ġejja.

Il-pjan hu li fil-każ ta’ klassijiet kbar, l-istudenti se jinqasmu fi gruppi żgħar, fejn grupp ikun fil-klassi u grupp ieħor isegwi l-lekċer online. Il-gruppi jbiddlu kull ġimgħa, biex l-istudenti kollha jattendu l-istess numru ta’ lekċers online u fil-klassi. Il-grupp ta’ ġol-klassi jkun jista’ jiltaqa’ ma’ sħabu u mal-lekċerers u jipparteċipa fit-tagħlim waqt li jevita l-ġemgħat.