L-Università b’metodi differenti ta’ assessjar flok eżamijiet fil-klassi

L-eżamiijiet ta’ Ġunju fl-Università ta’ Malta mhux se jkunu qegħdin isiru fil-klassijiet tal-Campus.

Ir-Rettur tal-Università Alfred J. Vella qal li minħabba l-imxija tal-coronavirus, l-eżamijiet se jkunu qed isiru b’modi differenti fosthom li flok eżami l-letturi jistgħu jiddeċiedu li jagħtu assenjament.

L-Università qalet li t-timetable tal-eżamijiet għandha tkun aċċessibbli għall-istudenti minn tal-inqas xahar qabel jibdadan il-perjodu. L-istudenti se jkunu qed jiġu mgħarrfa bil-metodu ta’ kif se jkunu assessjati sas-17 t’April 2020.

L-eżamijiet ta’ kitba fejn hu possibbli għandhom ikunu sostituti b’assenjamenti jew inkella b’eżamijiet li jistgħu jagħmluhom d-dar. Fejn dan il-metodu ma jistax jiġi applikat wieħed għandu jikkonsidra metodi oħra ta’ assessjar.

Għall-gruppi żgħar ta’ studenti, il-letturi jistgħu jagħmlu l-eżamijiet permezz ta’ orali li jista’ jsir permezz ta’ Zoom jew mezz ieħor ta’ komunikazzjoni.

L-istudenti li jridu jissottomettu t-teżijiet tagħhom se jkunu mitluba jagħmlu dan b’mod elettroniku u aktar tard ikunu jistgħu jissottomettu kopja tat-teżi fil-fakultà.

Il-fakultà jew l-Istitut, jista’ tiddeċiedi jekk tagħtix estensjoni lill-istudenti dwar meta se jissottomettu t-teżi tagħhom jekk din kellha mpatt minħabba l-imxija tal-COVID19. Il-viva-voce li hija parti mill-assessjar tista’ ma ssirx jekk il-Bord tal-Fakultà jiddeċiedi dan. F’każ ta’ Viva-voce fil-livell ta’ master u dottorat, din għandha ssir b’mod virtwali.

Rigward proġetti li jridu jsiru f’laboratorju, l-Università qalet li se tkun qed tikkomunika mas-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci biex tivverifika jekk hux permess li grupp żgħir ta’ stundenti jkomplu bir-riċerka tagħhom fil-laboratorji.

Numru ta’ studenti li qed jagħmlu l-placement tagħhom ġewwa Mater Dei bħalissa jinsabu sospiżi. Huma se jkunu jistgħu jkomplu l-placements tagħhom la darba s-sitwazzjoni tippermetti. L-eżamijiet prattiċi se jsiru wara li l-istudenti jtemmu l-placements tagħhom.

Rigward għalliema li kienu qed jagħmlu l-prattika tagħhom fl-iskejjel, il-Fakultà tal-Edukazzjoni qed tesplora l-possibbilità li l-lezzjonijiet jitkomplew online. Jekk din ma ssirx dawn jitkomplew la darba jerġgħu jinfetħu l-iskejjel.

Ir-resits se jsiru mhux qabel tmien ġimgħat wara l-ewwel eżami. Ir-resit se jkun qed isir l-istess bħall-ewwel eżami.

Minħabba s-sitwazzjoni preżenti l-istudenti se jkunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom anke jekk ma jgħaddux minn aktar minn 12 ECTS. Il-bordijiet tal-fakultajiet għandhom jiddeċidu l-limitu ta’ krediti li l-istudenti se jitħallew itellgħu għas-sena d-dieħla.

Studenti li jinsabu fl-aħħar sena se jtemmu l-istudji tagħhom kif pjanat fejn hu possibbli. Fejn mhux possibbli l-istudenti jtemmu dawn l-istudji mill-aktar fis meta dan ikun possibbli.

Persuni li jinsabu barra minn Malta se jkollhom aċċess għall-istess tagħlim ta’ dawk l-istudenti li jinsabu Malta. L-istudenti se jkunu kkuttattjati permezz ta’ eSIMS jew VLE.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn