L-Università Amerikana f’Malta tgħid li impjegat għalliema ġodda

L-Università Amerikana f’Malta (AUM) qalet li din il-ġimgħa grupp ta’ għalliema ġodda ġew impjegati full-time.
Dan wara li nhar l-Erbgħa li għadda, ġie rrappurtat li madwar 12-il għalliem u ħaddiem ieħor tkeċċew mill-AUM. Hu mifhum li l-ħaddiema ġew infurmati li tkeċċew permezz ta’ imejl mingħajr ma ngħataw raġuni. 
Fi stqarrija, l-Università rrimarkat li l-aħħar tibdiliet fl-istaff akkademiku tagħha huma mezz ta’ assigurazzjoni li l-Università tkun dejjem iktar b’saħħitha.
L-AUM temmen li dan ir-reklutaġġ se jsaħħaħ il-kalibru tal-istaff akkademiku tal-iskola hekk kif l-impjegati ġodda huma gradwati bid-Dottorat u ġejjin minn Universitajiet kbar mill-Ewropa, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Awstralja.
Fejn jidħlu figuri ta’ studenti li qed jattendu din l-Università, l-AUM saħqet li dawn ma jirriflettux il-ftehim kuntrattwali, li qalu li huwa pubbliku u aċċessibbli għal kulħadd.
Huma qalu li r-realtà hi li l-Università kienet għadha għaddejja minn proċess ta’ akkreditazzjoni sabiex iġġib il-liċenzja neċessarja biex topera. Issa li dan sar, l-AUM mistennija tibda l-ewwel sena ta’ promozzjoni barra minn Malta sabiex iġġib rikonoxximent internazzjonali.
Kompliet tgħid kif f’dan l-istadju kienet l-Università li ħadet id-deċiżjoni li ddaħħal l-ewwel għadd ta’ studenti fis-soft launch li għamlet f’Settembru. Fissret kif dawn l-istudenti diġà għamlu x-xogħlijiet tal-ewwel semestru u ngħatawlhom ir-riżultati. It-tieni semestru mistenni jibda fil-15 ta’ Jannar.
L-istqarrija kompliet tgħid kif minkejja l-ammont kbir ta’ skrutinju li rċeviet l-Università, l-AUM mill-ewwel bdiet bl-għan li tagħti l-aktar livell ta’ edukazzjoni għolja possibbli.
Ikkonkludiet li fil-ġimgħat li ġejjin mistennija toħroġ numru ta’ inizjattivi ġodda li jikkonfermaw li x-xogħlijiet li qed isiru f’dan l-istadju qed jirriżultaw f’suċċessi għall-Università nnifisha.