“L-uniku sid tal-ħajja hu Alla” – Franġisku

L-Isqfijiet Kattoliċi tal-Ingilterra u Wales ħarġu stqarrija dwar il-każ ta’ Alfie Evans, it-tarbija marida gravement li t-trattament mediku tagħha hu suġġett ta’ battalja legali kbira. Missier Evans nhar l-Erbgħa ltaqa’ mal-Papa f’Ruma u tkellmu dwar it-tifel.
“Qlubna huma mal-ġenituri ta’ Alfie Evans u t-talb tagħna jmur għalih u għalihom li qed jagħmlu dak kollu li jistgħu għall-kura ta’ binhom. Aħna konvinti li dawk kollha li qegħdin u kienu qed jieħdu d-deċiżjonijiet diffiċi dwar il-kura tat-tifel, għamlu dan b’integrità u fl-aħjar interessi ta’ saħħet Alfie, kif jarawhom huma. Il-professjonaliżmu u l-kura lit-tfal morda serjament li jagħti l-isptar Alder Hey huwa rikonoxxut”, qalu l-Isqfijiet.
L-isqfijiet iddefendew l-isptar u qalu l-kritika tal-pubbliku għall-isptar hi bla bażi għax il-kura tal-Kappillan tal-Isptar kemm lill-membri tal-istaff kif ukoll lill-familji tal-pazjenti tingħata b’mod konsistenti u professjonali.
Dwar l-offerta tal-Isptar Bambin Ġesù tal-Vatikan biex joffri kura lil Alfie Evans, l-Isqfijiet qalu li f’każi fejn “iridu jittieħdu deċiżjonijiet kruċjali f’każi ta’ konflitt ta’ opinjonijiet, ikun l-Isptar li jagħti lill-Qrati Ingliżi opinjonijiet mediċi biex isiru xi eċċezzjonijiet."
Temmew jgħidu li “mal-Papa aħna nitolbu li bi mħabba u realiżmu jsir minn kollox biex Alfie u l-familja tiegħu jkunu akkumpanjati f’dan il-mument ta’ tbatija”.
Din l-istqarrija ħarġet wara li l-Papa Franġisku ltaqa ma’ missier it-tarbija. Wara dik il-laqgħa l-Papa qal li “l-uniku sid tal-ħajja hu Alla” u talab għal ftit silenzju b’rispett għall-ħajja partikolarment dik taċ-ċkejken Alfie Evans.
Il-ġenituri ta’ Alfie qed jiġġieldu deċiżjonijiet tal-Qorti li qed tippermetti lill-isptar Alder Hey ta’ Liverpool biex iwaqqaf il-makni li qed iżommu lit-tarbija ħajja u qed jippruvaw jieħduh għall-kura fl-Italja. Alfie li għandu 23 xahar qed ibati minn kundizzjoni rari li mhix magħrufa u ilu fl-isptar minn Diċembru 2016.
S’issa l-ġenituri tilfu kawżi li fetħu dwar il-futur ta’ binhom fil-Qorti Superjuri, il-Qorti tal-Appell u l-Qorti Suprema tar-Renju Unit kif ukoll quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Issa fetħu kawża oħra quddiem il-Qorti Suprema.
Fil-każi diġà deċiżi, speċjalisti mediċi qalu li Alfie jinsab fi stat semiveġetattiv u kull trattament ulterjuri se jkun inutli.  Iżda l-ġenituri qed jgħidu li raw titjieb fil-kundizzjoni tat-tifel u jridu jeħduh fl-isptar Bambin Ġesù f’Ruma fejn jaħsbu li  jista’ jingħata kura aħjar.
Il-ħadd li għadda l-Papa talab ukoll għal Vincent Lambert, raġel ta’ 41 sena li korra serjament f’inċident tat-traffiku fi Franza li ħallih f’kundizzjoni serja ħafna u t-tobba Franċiżi wkoll jitfulu l-makni filwaqt li l-ġenituri tiegħu qalu li Vincent jista’ jieħu n-nifs waħdu u l-organi interni tiegħu qed jaħdmu sew.
Il-każijiet ta’ Lambert u ta’ Evans reġgħu qajmu dibattitu sħiħ dwar l-ewtanażja u l-kura fi tmiem il-ħajja.
Il-Papa Franġisku, filwaqt li ddeskriva dawn bħala “każijiet delikati u kumplessi li jikkawżaw weġgħat kbar” qal li t-trattament mediku f’dawn il-każijiet għandu jkun maqbul bejn il-familja, it-tobba u l-professjonisti mediċi.
L-Arċisqof Vincenzo Paglia, President tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja, sejjaħ għal djalogu bejn il-familja ta’ Alfie Evans u l-isptar Alder Hey “biex ma nirriduċux il-ħajja f’battalja legali”.
Qal li l-ġenituri jridu l-ġid tat-tarbija u ħadmu għal dan b’diversi modi f’dan il-każ li hu “traġedja terribbli”. “Alfie ma jistax ikun abbandunat, jixraqlu jkun maħbub kif jixirqilhom ukoll il-ġenituri tiegħu”.
Kemm il-Papa Franġisku kif ukoll l-Arċisqof Paglia jirrappreżentaw il-viżjoni tal-Papa dwar kwestjonijiet kumplessi marbuta mal-ħajja. Minflok każijiet bħal dawn jinbidlu f’battalji ta’ ideat, il-Papa Franġisku jippreferi juri kumpassjoni mal-familja filwaqt li jsostni l-prinċipju li għandna nipproteġġu l-ħajja.
It-tagħlim tal-Knisja jgħid li ħadd m'għandu jkun imċaħħad mill-mezzi ordinarji li jippreżervaw il-ħajja, bħalma huma l-ikel, ix-xorb u l-kura medika, iżda “f’każijiet eċċezzjonali li twaqqaf il-proċeduri mediċi li jkunu straordinarji u sproporzjonati, jista’ jkun iġġustifikat”.