Ritratti: “L-uniku estremiżmu aċċettabbli huwa dak tal-karità” – il-Papa

Il-Papa Franġisku qal li Alla japprezza biss il-fidi li tagħti xhieda permezz tal-ħajja, fejn stqarr li l-uniku estremiżmu permissibbli għal min jemmen, huwa biss dak tal-karità. 
Fl-omelija matul quddiesa li ċċelebra fil-Kajr waqt iż-żjara tiegħu fl-Eġittu, il-Papa sostna li kull tip ieħor ta’ estremiżmu ma jiġix minn Alla u ma jogħġbux.
Spjega kif il-fidi vera hija dik li tgħin lill-bniedem jagħmel iktar karità, iktar ħniena, u li żżid l-onestà u l-umanità.
Il-Papa kompla jgħid li l-fidi vera hija dik li twassal lir-ruħ tal-bniedem biex iħobb lil kulħadd, anke lill-għedewwa tiegħu.
Kien hawnhekk li saħaq dwar l-importanza tal-maħfra lil min joffendina, u li ngħinu lil min jaqa’, kif ukoll permezz ta’ għajnuna lill-orfni u lill-ħabsin.
Il-fidi vera, temm jgħid il-Papa, hija dik li twassal lill-bniedem jipproteġi d-drittijiet ta’ ħaddieħor bl-istess saħħa li jiddefendi d-drittijiet tiegħu.