L-uniku ċentru tas-saħħa f’Għawdex jista’ jispiċċa ħdejn l-isptar

Mhux eskluż li l-binja li tiegħla quddiem l-entratura tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, se tkun tinkludi ċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat. Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt jidher li l-pjan huwa li ċ-Ċentru tas-Saħħa se jkun fis-sular ta' isfel. 
Madanakollu dan ma ġiex ikkonfermat mill-Ministeru għal Għawdex, li aktar kmieni llum irrefera l-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt għall-Ministeru tas-Saħħa. Dan minkejja li fl-aħħar xhur, kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa sostniet li l-mistoqsijiet kellhom jiġu mwieġba mill-Ministeru għal Għawdex.
Dawn il-mistoqsijiet dwar dan il-proġett ilhom li ntbagħtu 11-il xahar.
F’Novembru li għadda, il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal li ħdejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qed isir Child and Youth Development centre u li se jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin biex jilqa’ fih tfal u żgħażagħ vulnerabbli.
F’Mejju 2012, kien tħabbar li dan iċ-ċentru ta’ żvilupp tat-tfal kien se jsir b’investiment ta’ €1.75 miljun biex joffri servizzi tas-saħħa u edukattivi għat-tfal bi bżonnijiet speċifiċi. Kien issemma’ li se jkun jinkludi childcare centre, child guidance clinic, learning disability clinic, u speech and occupational therapy.