“L-unika tama kienet li niżżewweġ u jkolli tfal skont kemm ried żewġi”

Assita Kanko, ambaxxatriċi tal-kampanja #Girl2Leader indirizzat attività li matulha tnediet il-kampanja immexxija mill-Forum Dinji tal-Mexxejja Politiċi Nisa, u li tagħha l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca hi konsulent.
Assita tkellmet dwar it-trobbija tagħha, f’raħal remot f’Burkina Faso fl-Afrika, mingħajr ilma u elettriku. Ma kellha l-ebda tama għal futur sabiħ, ħlief li tiżżewweġ u jkollha tfal skont kemm irid żewġha.
Spjegat li hi dan ma riditux u rribellat. Fost l-oħrajn kienet tevita li tagħmel il-faċendi, biex tqatta’ ħin ma’ missierha, li kien għalliem, taqra l-kotba taħt siġra.
Qalet li jekk tkun tifla ħażina huwa l-mod kif tirnexxi, hi ma kinitx tiddejjaq tkun hekk.
Assita rrakkuntat kif ta’ ħames snin, għaddiet minn esperjenza kerha ta’ mutilazzjoni ġenitali, f’dar abbandunata u maħmuġa, fejn ħadd ma seta’ jisma’ l-uġigħ tagħha.
Spjegat kif ma damitx ma rrealizzat li dan kollu sar għax kienet tifla, u għax ma riduhiex issir il-mara li xtaqet tkun.
Madanakollu assita ma qatgħetx qalbha, u missierha għallimha kif tegħleb l-ostakli. Illum midħla tal-politika fil-Belġju, fejn tgħix u taħdem bla heda bħala ambaxxatriċi għan-nisa u bniet żgħar.  Saħqet li mara qatt m’għandha tgħid li xi ħaġa hi impossibbli.
"Bżonn urġenti li jitwessgħu l-opportunitajiet għat-tfal" – Il-President
Min-naħa tagħha, il-President Coleiro Preca enfasizzat dwar il-bżonn urġenti li jitwessgħu l-opportunitajiet għat-tfal, u li b’mod partikolari l-bniet jiġu mħeġġa biex isiru nisa mexxejja.
Saħqet li Malta hemm bżonn ixxammar il-kmiem u taħdem bla heda jekk trid tilħaq il-miri tan-Nazzjonijiet Magħquda għal ugwaljanza u soċjetà inklussiva sal-2030.
Ħeġġet lis-17-il organizzazzjoni tan-nisa, biex permezz tal-pjattaforma ġdida emPOWer, li tnediet illum ukoll, jingħaqdu flimkien biex jassiguraw  vuċi aktar f’saħħitha fid-dibattitu dwar l-ugwaljanza.