L-unika knisja Kattolika f’Somaliland ingħalqet jiem biss wara li nfetħet

L-unika Knisja Kattolika li hemm f’Somaliland, reġjun li fl-1991 iddikjara l-indipendenza mis-Somalia, ingħalqet tmient ijiem biss wara li reġgħet infetħet fid-29 ta’ Lulju, fuq ordni tal-Gvern.
Ix-Sheikh Khalil Abdullahi, li jsejjaħ lilu nnifsu Ministru għall-Affarijiet Reliġjużi, qal li l-ftuħ tal-knisja ħoloq qasma kbira li ma kinitx fl-interess tal-pajjiż.  Il-Gvern iddeċieda li jirrispetta x-xewqat tal-poplu u l-mexxejja reliġjużi tiegħu u jżomm il-knisja magħluqa kif ilha għal dawn l-aħħar 30 sena.
Il-Knisja nfetħet mill-ġdid f’ċerimonja li saret fid-29 ta’ Lulju u li għaliha attendew numru ta’ barranin u ministry.  Hi dedikata lil Sant’ Antnin ta’ Padova u waħda minn madwar 70 knisja li kienu nbnew snin ilu meta l-pajjiż kien taħt ħakma Ngliza u kien ilha magħluqa 30 sena.
Fi stqarrija li ħareġ, Sheikh Khalil qal li l-knisja ma kinitx waħda ġdida u li l-Liġi tas-Sharia tippermetti lill-barranin li jaħdmu f’Somaliland u “jipprattikaw ir-reliġjon tagġhom fil-privat”  Sostna li kuntrarju għal dak rappurtat, ma hemm ebda Knisja ġdida u l-Gvern mhux se jippermetti li jinbnew knejjes ġodda fil-pajjiż.
Rapporti fil-gazzetti qalu li ħafna mill-mexxejja reliġjużi tal-pajjiż ikkritikaw il-ftuħ mill-ġdid tal-knisja għax qalu li dan kien parti minn pjan akbar biex il-pajjiż ikun konvertit għall-Kristjaneżmu.
Sadattant, l-Isqof Giorgio Bertin, Amministratur Appostoliku f’Mogadishu, il-kapitali tas-Somalia Isqof ta’ Djibouti, qal li l-knisja kienet magħluqa minħabba l-periklu li l-insara jiffaċċjaw f’dan il-pajjiż Musulman. Qal li fil-prattika Somaliland hi relattivament ħielsa mill-kontroll tal-Gvern Somalu, fejn il-prattika tar-reliġjon kattolika hu projbit.
L-Isqof qal li mhemmx ċans li l-Knisja jkollha preżenza f’Mogadishu u l-kattoliċi fis-Somalia, jekk ikunu identifikati jsiru ruħhom fil-periklu.  Il-ħidma pastorali ssir kollha bil-moħbi, imma anke hekk kollox irid isir bil-kwiet, hu aħjar li wieħed ikun hemm milli ma jkunx.