Aġġornata: L-Ungerija tilqa’ għandha l-Kampjonat Ewropew tal-Waterpolo

Wara ċ-ċerimonja tal-ftuħ li saret ilbieraħ f’Budapest, mill-ewwel n-nies preżenti bil-maġġoranza tagħhom Ungeriżi, segwew il-konfront bejn iċ-ċampjins preżenti l-Ungerija u Spanja.
Minkejja li l-Ungeriżi huma favoriti u qed jilagħbu f’darhom, l-Ispanjoli taw oppożizzjoni denja meta wara l-ewwel kwart tal-logħba kienu fi dro ta’ 2-2.
Għall-Ungerija kien determinanti Varga li skurja ħames gowls personali fir-rebħa li l-Ungerija kellhom fuq Spanja bl-iskor ta’ 12-9.
Flimkien mal-Ungerija u Spanja fi Grupp B insibu lis-Serbja li fl-ewwel ġurnata, għelbu lil Franza bl-iskor ta’ 16-5 u lil Kroazja li għelbu lil Ġermanja bl-iskor ta’ 10-5.
Intant fid-derby tal-Ewropa tal-Lvant, ir-Rumanija għelbet lil Ġorġja bl-iskor ta’ 11-6.
Bl-istess riżultat, il-Montenegro għelbu lil Greċja u l-Italja kellhom rebħa tajba ta’ 13-6 fuq ir-Russja.

Dalgħodu fit-tieni ġurnata tal-kampjonat, il-Griegi ġabru ġiehom meta għelbu lil Ġorġja bl-iskor ta’ 15-6.
Waranofsinhar, is-Serbi għelbu lill-Ġermaniżi bl-iskor ta’ 12-7 u l-Montenegrini għelbu lir-Russi bl-iskor ta’ 15-7.
L-Italja reġa' kellhom rebħa oħra meta għelbu lir-Rumanija bl-iskor ta' 9-4.
Fl-aħħar żewġ logħbiet tal-lum, il-Kroazja u Spanja spiċċaw fi dro ta' 8-8 u l-Ungerija għelbu lil Franza bl-iskor ta' 12-7.