L-Ungerija tgħid ‘daqshekk għall-immigranti’

L-Ungerija waqqfet, b’effett immedjat, l-applikazzjoni ta’ regola tal-UE dwar l-immigrazzjoni, li tgħid li talbiet għall-ażil għandhom jiġu pproċessati fl-ewwel pajjiż tal-UE li l-immigranti jkunu fih.
Il-Gvern Ungeriż qal li d-deċiżjoni ttieħdet għax il-pajjiż għandu “d-dgħajsa mimlija” u spiċċawlu r-riżorsi għall-immigrazzjoni.
Waqt li wera t-tama ta’ soluzzjoni Ewropea, kelliem għall-Gvern qal li l-pajjiż se jħares l-ewwel l-interessi tiegħu u tal-popolazzjoni tiegħu.
Il-ġimgħa li għaddiet, l-Ungerija qalet li se tibni ħajt għoli 4 metri biex tagħlaq il-fruntiera mas-Serbja minħabba l-immigranti.
Din is-sena s’issa, fl-Ungerija daħlu 60,000 immigrant, l-iktar mis-Serbja, u s-sena li għaddiet kienet it-tieni l-iktar pajjiż li laqa’ immigranti meta mqabbel mal-popolazzjoni tiegħu.
L-UE qed titlob kjarifika urġenti għax din l-aħħar deċiżjoni tal-Ungerija tmur kontra r-regoli u l-ftehim tal-pajjiżi membri.
Sadattant, il-Prim Ministru Ingliż David Cameron wiegħed għajnuna lil Franza biex tiġi miġġielda l-kriżi ta’ immigranti f’Calais, iktar u iktar wara li diversi immigranti sfruttaw strajk mill-ħaddiema tal-port u ppruvaw jitilgħu fuq trakkijiet lejn l-Ingilterra.