L-Ukraina u r-Russja jiċċelebraw flimkien

Kienet xena partikolari ħafna dik li spontanjament u bla maħsub dehret eżatt wara s-serata tas-semifinali tat-Tlieta tal-Festival Ewroviżiv.  Meta l-għaxar finalisti li għaddew għall-finali ta' nhar is-Sibt ġew mitluba biex jieħdu posthom għar-ritratti tal-media, il-kantanta Ukrena Maria Yaremchuck u t-Tewmin Russi bla ma ħasbu jew pjanaw intefgħu fuq quddiem tar-ritratt u dehru jifirħu u jiċċelebraw flimkien. 
Waqt il-konferenza stampa ukoll jifirħu u jiċċelebraw fuq l-istess mejda kien hemm ukoll l-Ażerbajġan u l-Armenia. Dawn huma żewġ pajjiżi li ma jirrikonoxxux lil xulxin, iżda li bis-saħħa tal-mużika għal ftit waqtiet spiċċaw jiċċelebraw flimkien dal-mumenti ta' sodisfazzjoni li joffri l-Festival Ewroviżiv.
Illejla issa kollox lest biex fid-9pm tibda t-tieni serata tas-semifinali li fiha se jieħu sehem il-grupp Malti Firelight.