“L-ugwaljanza ma tħassarx mara u raġel” – Life Network Foundation

Life Network Foundation tgħid li bit-tneħħija mil-liġi tal-kliem li jirreferu għall-omm u l-missier, maternità u paternità, il-liġi ġdida dwar iż-żwieġ gay la tirrifletti l-ugwaljanza u lanqas tirrispetta li dawk li jgħożżu s-sens ta’ dawn il-kliem. Tistaqsi wkoll jekk hux se jitneħħew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum l-Omm u Jum il-Missier.
Il-Fondazzjoni qed tappella lill-Membri Parlamentari jqisu sitt fatti qabel il-ġimgħa d-dieħla jivvutaw dwar l-abbozz ta’ liġi li jippermetti żwieġ ċivili bejn persuni tal-istess sess. 
Il-Fondazzjoni tgħid li dan l-abbozz jimponi fuq il-koppji li f’dokumenti pubbliċi jużaw kliem oħra minflok il-mara u r-raġel jew omm u missier. Tappella biex titħalla l-għażla ta’ liema kliem jintuża.
Tiġbed l-attenzjoni li fl-abbozz ta’ liġi proposta jidher ċar li l-għan hu li jiddaħħal iż-żwieġ gay u jiġu eliminati kunċetti essenzjali taż-żwieġ eterosesswali.
Tispjega li l-liġi għandha tipproteġi d-dritt ta’ min ikollu oġġezzjoni skont il-kuxjenza. Tipproponi li fil-liġi jiddaħħal artiklu li tingħata protezzjoni lil kulħadd biex jibqa’ liberu li jagħżel min jista’ juża l-faċilitajiet tiegħu jew swali għal ċerimonji ta’ żwieġ u ċelebrazzjonijiet; lil min jikri l-proprjetà tiegħu jew lil min jagħti servizzi , skont il-prinċipji tiegħu.
Tirreferi għall-frażi “konċeput u mwieled lill-partijiet” fl-abbozz u tgħid li dan qed jirreferi għal kiri tal-ġuf biex titwieled tarbija u l-għoti tal-bajda jew sperma, li huma kontra l-liġi dwar il-ħarsien tal-embrijun.
Il-fondazzjoni tistaqsi kif se jkunu mħarsa l-aħjar interessi tat-tfal meta bil-liġi l-ġdida dwar żwieġ bejn koppji gay, it-tfal qatt mhu se jkunu ġenetikament tal-koppja. Dan ifisser li xi ħadd mill-koppja jista’ faċilment jiċħad li jħallas il-manteniment għat-tfal.