“L-ugwaljanza ma teżistix għal dawk qrib tal-PM”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat illum wera li l-ugwaljanza ma teżistix għal dawk li huma qrib tiegħu.

Delia kien qed jirreferi għal dak li seħħ dalgħodu fil-Qorti tal-Maġistrati, fejn iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri waqqa’ l-libell li kien fetaħ kontra l-Eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil. Dan sabiex ma jixhidx fl-istess każ “għax jinkrimina lilu nnifsu”.

Delia kien qed jitkellem fil-Parlament fejn saħaq li llum il-Prim Ministru kellu opportunità unika biex isewwi r-reputazzjoni ta’ Malta billi ma jħallix lil Keith Schembri jibqa’ jokkupa pożizzjoni pubbliku.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li mhux se jkun qed ikeċċi liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri. Dan wara li dalgħodu, Schembri rtira libell li kien fetaħ kontra d-deputat Nazzjonalista u Eks Kap tal-PN Simon Busuttil.

Filmat: Mhux se nkeċċi lil Schembri – Muscat

Muscat fakkar lil Delia fil-libelli li l-Kap Nazzjonalista kien fetaħ kontra l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Delia kien waqqa’ dawn il-libelli wara l-qtil tagħha.

Fisser li teżisti differenza bejn responsabbiltà kriminali u responsabbiltà politika. Irrimarka li fil-politika għandu jkun hemm livell u standards li jiġu rispettati.

Fil-Parlament Muscat qal li Schembri ngħata parir legali biex ma jweġibx il-mistoqsijiet li sarulu llum fil-Qorti. Żied jgħid li Schembri qed iwieġeb il-mistoqsijiet fl-inkjesti maġisterjali li qed isiru u li ntefħu wara li hu fetaħ il-libell.

Ic-Chief of Staff tal-Prim Ministru qal li waqqa’ l-libell kontra Simon Busuttil kontra qalbu. Dalgħodu fil-Qorti Keith Schembri rrifjuta li jwieġeb id-domandi li sarulu.

Waqqajt il-libell kontra qalbi – Schembri

Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rtira l-libell dwar 17 Black wara seduta mqanqla fil-Qorti tal-Maġistrati dalgħodu.

Schembri kien mistenni jixhed dwar il-kumpanija bbażata f’Dubaj, bħala parti minn libell li fetaħ lil Simon Busuttil, l-eks Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista, fuq allegat tixħim fl-2016.

Malli saritlu l-ewwel mistoqsija, Keith Schembri rrifjuta li jwieġeb fil-Qorti. Il-Maġistrat Victor Axiaq ordnalu jwieġeb u fakkru li jekk ma jagħmilx dan jista’ jkun hemm sanzjonijiet.

17 Black: Keith Schembri jirtira l-libell

Fid-diskors tiegħu fil-Parlament, Delia staqsa jekk hux qed imexxi Joseph Muscat jew Keith Schembri. Qal li Schembri kellu żewġ għażliet. Waħda li jigdeb fil-Qorti jew li jgħid il-verità u juri li kiser il-liġi.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis ukoll fakkar lil Delia fil-kawżi li rtira f’Ottubru tal-2017.