L-Uganda għanha bżonn żgħażagħ li jaqdu ‘l Alla

Il-Kattoliċi fl-Uganda jiċċelebraw Jum il-Martri tal-Uganda

L-organizzaturi ta’ Jum il-Martri tal-Uganda qalu li madwar tliet miljun persuna attendew għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din is-sena li saru aktar kmieni dan ix-xahar fis-Santwarju ta’ Namugongo. Jum il-Martri tal-Uganda hu meqjus bħala btala pubblika fil-pajjiż kollu.

L-Arċidjoċesi ta’ Gulu, għal din il-festa niżżlet kor ta’ 320 persuna li anima ċ-ċelebrazzjonijiet filwaqt li matul ‘l quddiesa tkantaw innijiet liturġiċi bażati fuq il-kultura tal-Uganda, bi żfin u kostumi tradizzjonali.

San Kizito eżempju li għandna nimitaw

Waqt l-Omelija, l-Arċisqof John Baptist Odama, ħeġġeġ lill-Ugandiżi biex jimxu fuq l-eżempju tal-Martri żagħżugħ San Kizito, li fl-eta’ ta’ 13-il sena, għażel li jobdi ‘l Alla minflok lir-Re ta’ din l-art. It-tema tal-festa ta’ din is-sena kienet  “Obdi ‘l Alla dejjem u kullimkien”.

L-Arċisqof sellem lil żewġt itfal bniet ta’ 9 u 10 snin u sejħilhom il-Kizito u Jilda Irwas tal-lum. Dawn iż-żewġt itfal ingħaqdu f’pellegrinaġġ u mxew minn Mbarara sa Namugongo, distanza ta’ aktar minn 300 kilometru, biex jiġu għal din il-festa.  Huwa sejħilhom ħdejh fuq il-palk fejn kien qed jiċċelebra ‘l Quddiesa u ntroduċihom mal-folla. Introduċa wkoll lil raġel ta’ 97 sena li wkoll mexa dwn il-kilometri kollha biex attenda għal Jum il-Martri.

Huwa qal li “San Kizito, l-iżgħar fost il-martri, kien qal li aħjar imut milli jidneb.” “Dawk li jagħżlu lil Kristu għandhom dejjem jobdu l’Alla, ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi. L-iżgħar fost il-martri, Kizito kellu  għażla: jobdi ‘l Alla jew jagħmel dnub. Iżda hu għażel il-mewt”.

Il-Matri żgħażagħ

San Kizito kien l-iżgħar fost grupp ta’ 22 Martri Kattoliċi tal-Uganda li l-Papa Benedittu XV kien ibbeatifika fis-6 ta’ Ġunju 1920 u mbagħad kienu kanoniżżati mill-Papa Pawlu VI f’Ruma f’Ottubru 1964. Il-Beatu Jildo Irwa mhux magħruf ħafna għax ma kienx wieħed minn dawn it-22 Martri. Hu wieħed minn żewġ Martri li kienu nqatlu fl-1917 fl-età ta’ 14-il sena.

Id-disubbidjenza l-kawża tal-mard fis-soċjetà   

L-Arċisqof Odama, żied jgħid fl-Omelija tiegħu li l-kawża tal-vjolenza domestika, il-korruzzjoni, it-traffikar uman, is-serq, ix-xenofobija u dnubiet oħra tal-ġisem, hi li ma nobdux lil Alla u l-kmandamenti tiegħu.

Għaċ-ċerimonja ta’ Jum il-Martri kien preżenti l-Viċi President tal-pajjiż Edward Sekandi li kien qed jirrappreżenta lill-Gvern, in-Nunzju Apostoliku tal-Uganda, l-Arċisqof Luigi Binaco u l-Isqfijiet kollha tal-pajjiż flimkien ma aktar minn 5,000 pellegrin barrani minn madwar id-dinja.

Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din is-sena, kienu karateriżżati minn preżenza qawwija ta’ pulizija u forzi tas-sigurtà wara li kien hemm theddida ta’ attivita terroristika matul dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. Iżda din it-theddida ma tellfet xejn mill-ferħ ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.

F’din l-okkażżjoni l-Knisja fl-Uganda ma naqsitx li titkellem ukoll dwar l-ambejnt tant li l-Isqfijiet ipprojbew l-użu ta’ basktijiet u fliexken tal-plastik fis-Santwarju.

Il-President tal-Konferenza Episkopali tal-Uganda, l-Idsqof Joseph Anthony Ziwa ħabbar li minn din is-sena l-użu ta’ basktijiet u fliexken tal-plastic fis-Santwarju jew fl-inħawi tiegħu, mhux se jkun permess.