L-uffiċjali Katalani mhux se jisimgħu mill-ordnijiet Spanjoli

Il-Katalani mhux beħsiebhom jobdu l-ordnijiet tal-Gvern Spanjol, anki jekk dan iżomm ma’ kelmtu u jissospendi l-awtonomija tar-reġjun.
Uffiċjal għoli Katalan qal dan lill-midja internazzjonali, filwaqt li żied li l-Ispanjoli qed jaġixxu kontra r-rieda tal-Katalani.
Is-Sibt, il-Prim Ministru Spanjol, Mariano Rajoy, qal li l-Gvern se jieħu r-riedni tal-Katalunja f’idejh, hekk kif qed jippjana li jneħħi lill-mexxejja Katalani mill-karigi tagħhom u jsejjaħ elezzjoni fir-reġjun mill-iktar fis.
Spjega li kontra x-xewqa tiegħu, il-Gvern kellu jieħu azzjoni kontra l-aġir tal-Gvern Katalan li kien qed jikser il-liġi, u għalhekk attwa l-Artiklu 155 tal-kostituzzjoni Spanjola.
Dan l-artiklu jgħid li l-Gvern Spanjol jista’ jimponi ħakma diretta fuq kwalunkwe reġjun semi-awtonomu f’każ ta’ kriżi.
Sadanittant, il-Parlament reġjunali tal-Katalonja se jiltaqa’ l-Ħamis biex jifformula t-tweġiba tiegħu għal dan.
Dakinhar, il-mexxejja Katalani jistgħu jiddeċiedu li jiktbu dikjarazzjoni unilaterali għall-indipendenza.
Madankollu s-Senat Spanjol mistenni japprova l-miżuri tal-Gvern nhar il-Ġimgħa li ġejjin, kif ukoll jaċċetta l-proposta għal elezzjonijiet reġjunali.