L-uffiċjal tal-każ jirrakkomanda li l-Lidl f’Ħaż-Żebbuġ jiġi approvat

Miguela Xuereb

Rapport magħmul mill-uffiċjal tal-każ qiegħed jirrakkomanda li l-bini tal-istabbiliment Lidl f’Ħaż-Żebbuġ jiġi approvat, minkejja li dan qiegħed f’żona ‘l barra miż-żona tal-iżvilupp.

Il-Kunsillier Steve Zammit Lupi dalgħodu aġġorna liż-Żebbuġin bl-andament tal-każ fuq Facebook, u fisser li l-proposta ta’ dan l-istabbiliment (PA 01292/19) fi Triq l-Imdina kantuniera ma’ Triq Ħ’Attard għadha fil-ħsieb.

Ir-rapport imħejji mill-uffiċjal tal-każ, ippubblikat fis-17 ta’ Ġunju, qiegħed jirrakkomanda li l-permess jinħareġ. Zammit Lupi qal li għadu tal-fehma li peress li din hi art barra ż-żona ta’ żvilupp, m’hemmx lok għal bini kummerċjali ta’ dan il-kobor u għandu jinstab sit alternattiv. Semma wkoll li hemm għadd ta’ ħwienet tal-istess tip fi rħula viċin.

F’Lulju li għadda, il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ kien ressaq sensiela ta’ punti u proposti rigward dan is-sit, partikolarment dwar l-impatt viżwali, il-problema ta’ parkeġġ li taf tinħoloq għar-residenti, il-ħtieġa ta’ mezzi ta’ trasport alternattivi, u l-impatt fuq it-traffiku diġà eżistenti fl-inħawi. Zammit Lupi qal li ċerti proposti ntlaqgħu, iżda wħud għadhom le. Huwa beħsiebu jibqa’ jinsisti fuqhom.

Newsbook.com.mt wettaq eżerċizzju sentejn ilu li wera li mad-dawra ta’ Ħaż-Żebbuġ hemm tliet stabbilimenti li qegħdin bejn 4km u 7km ‘il bogħod. Dawn huma l-istabbilimenti ta’ Ħal Luqa, Ħal Qormi u Santa Venera.

Steve Zammit Lupi / Facebook

L-applikazzjoni mressqa fl-2018 kienet ibbażata fuq art kbira 13,550 metru kwadru skont il-pjanti preżentati mal-applikazzjoni. Kien propost li l-fabbrika u x-showroom eżistenti jitwaqqgħu, filwaqt li kmamar fl-għelieqi u s-substation jiġu relokati. F’livell taħt l-art kellu jkun hemm spazju għall-uffiċini, showroomħwienet u mħażen. Skont l-applikazzjoni, il-bejt kellu jkun miksi b’panelli fotovoltajiċi.

Il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar se jieħu deċizjoni finali fuq din il-proposta fis-16 ta’ Lulju.