L-Uffiċċju tal-Verifika lest jiċċara r-rapport tal-Electrogas

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) qal li huwa lest jiċċara r-rapport li ħejja dwar il-kuntratti mogħtija mill-Enemalta lil Electrogas Malta Ltd f’seduti tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC).

Fi stqarrija, l-NAO qal li “jinnota b’interess u sodisfazzjon id-diskussjoni pubblika estensiva li tqanqlet wara l-pubblikazzjoni tar-Rapport, speċjalment id-dibattitu tal-bieraħ fil-Kamra tad-Deputati.” L-Uffiċċju qal li din id-diskussjoni tgħin biex jintlaħqu l-miri prinċipali tal-NAO.

L-uffiċċju qal li ħa nota ta’ kull kritika li saret u huwa lest biex ‘il quddiem jiċċara u jikkjarifika xi kwistjonijiet li jkun hemm b’rabta ma’ dan ir-Rapport. Fi kliem l-NAO, il-PAC huwa l-post fejn jiġu diskussi bl-aktar mod oġġettiv ir-rapporti maħruġa mill-NAO.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika sab li d-dawl mill-interconnector kien se jkun irħas mid-dawl li qed jiġi mill-power station il-ġdida tal-Electrogas.

F’rapport ta’ ‘l fuq minn 500 paġna, l-Awditur Ġenerali sab diversi nuqqasijiet fil-proċess tal-għoti tal-kuntratt lill-Electrogas fl-2013 biex din il-kumpanija setgħet tibda tforni lin-netwerk tal-elettriku Malti bl-enerġija minn power station ġdida taħdem bil-gass.

Fi stima konservattiva li ġiet ikkalkulata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika nstab li l-enerġija ġġenerata mill-power station tal-Electrogas tiswa medja ta’ €50.64 iktar għal kull unit li jasal mill-interconnector ta’ bejn Malta u Sqallija. Fir-rapport tiegħu, l-Awditur Ġenerali qal li l-varjanza “konservattiva” ma kkalkulatx l-ispejjeż tal-Enemalta biex intlaħaq il-ftehim u lanqas l-ispejjeż kapitali biex inbena l-interconnector.

Ilbieraħ, il-Prim Ministru reġa’ ddefenda l-għażla tal-Electrogas billi qal li l-alternattiva kienet li jitħallew mitfuħa l-powerstations tal-Marsa u ta’ Delimara. Huwa qal li skont direttivi tal-Unjoni Ewropea, kull pajjiż irid ikollu iktar minn sors wieħed ta’ ġenerazzjoni għall-enerġija. Muscat irrimarka li l-Viċi Prim Ministru Taljan di Maio diġà hedded li jitfi l-interconnector u allura Malta ma jistax tkun dependenti fuq l-interconnector biss.