L-Uffiċċju tal-PM bir-responsabbiltà li jippromwovi kif ukoll jirregola l-kumpaniji finanzjarji

Wara li fil-gazzetta tal-gvern tħabbar li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru se jerfa’ r-responsabbilità kemm għar-regolamentazzjoni kif ukoll għall-promozzjoni tas-servizzi finanzjarji, fost osservaturi f’dan il-qasam tqajjem tħassib serju dwar il-possibilità ta’ kunflitt ta’ interess.

Fis-7 ta’ Awwissu fil-Gazzetta tal-Gvern tħabbar li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien se jieħu r-responsabbilità tar-Regolamentazzjoni tas-Servizzi Finanzjarji u anke tal-Promozzjoni tas-Servizzi Finanzjarji. F’Ġunju tal-2017, wara l-elezzjoni ġenerali, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna kien ingħata r-responsabbilità għar-Regolamentazzjoni tas-Servizzi Finazjari. Fil-gazzetta tal-Gvern tas-7 ta’ Awwissu, dan l-irwol ma jidhirx aktar. Madanakollu, kelliem għall-Ministeru għall-Finanzi kien qal mat-Times of Malta li xejn ma nbidel.

Mhux tal-istess fehma kienu osservaturi fil-qasam finanzjarju meta tkellmu ma’ Newsbook.com.mt. Persuna li taħdem fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u li xtaqet tibqa’ anonima qalet li jkun kunflitt kbir jekk l-istess entità tkun qed tieħu ħsieb il-promozzjoni u r-regolamentazzjoni ta’ dan il-qasam fl-istess ħin. “Jekk qed tkun qed tħajjar xi kumpanija li hija tuffieħa ħażina lejn Malta, kif se tkun inti stess li tirregola lill-istess kumpanija mingħajr kunflitti?” staqsiet il-persuna.

Dwar it-tneħħija tar-responsabbilità tar-regolamentazzjoni mill-Ministeru għall-Finanzi, is-sors qal ma’ Newsbook.com.mt li jista’ jkun li kien hemm xi indikazzjonijiet serji li jeħtieġu lil xi ħadd minn fuq biex jieħu r-responsabbilità f’idejh, li f’dan il-każ huwa l-Prim Ministru. Il-persuna qalet li din hija bidla fl-istrateġija, però ma setgħetx tispekula jekk kinitx strateġija biex jitgħattew ċertu affarijiet jew strateġija politika speċifikament dwar is-settur. Is-sors żied jgħid ukoll li Malta se tkun qed tiffaċċja eżamijiet diffiċli ħafna fil-futur qrib minn regolaturi internazzjonali. Qal li l-Ministru Edward Scicluna se jkun impenjat ħafna u rrimarka li “aktarx għamlulu pjaċir” li neħħewlu r-responsabbilità tar-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji.