L-Uffiċċju tal-Ombudsman għadu jistenna tweġiba

L-Uffiċju tal-Ombudsman qal li l-Gvern għadu ma weġibx għal ittra li bagħtlu dwar il-ħtieġa li jitfassal pjan li jirregola l-iżvilupp tal-kosta u l-ibħra tal-madwar.

L-ittra intbagħtet fid-19 ta’ Lulju mill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-Perit David Pace lis-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva, Michael Farrugia.  

Il-Perit Pace ippropona li fir-reviżjoni sħiħa tal-Pjani Lokali li qed issir mill-Gvern, jitfassal Marine Subject Plan. Dan għaliex dawn iż-żoni dejjem kienu suġġett għal diversi pressjonijiet ta’ żvilupp.

Fl-ittra tiegħu, il-Perit Pace kompla li dan il-pjan għandu jservi ta’ gwida għal għażliet li jkun hemm bżonn li jsiru fejn ikun hemm kunflitti fid-domanda għall-użu ta’ dawn iż-żoni.