Il-Kurja toffri uffiċċju lill-Malta Guide Dogs Foundation għal 10 snin

L-Arċisqof Charles Scicluna inawgura uffiċċju ġdid tal-Malta Guide Dogs Foundation (MGDF) f’ċerimonja qasira llum waranofsinhar. Dan hekk kif il-Kurja offriet uffiċju minn tagħha għall-użu tal-Fondazzjoni għall-10 snin li ġejjin.

Fid-diskors tal-inawgurazzjoni, l-Arċisqof Scicluna qal li x-xogħol, l-intelliġenza u d-don tal-klieb gwida ma’ sidhom, huma eżempju ċar ta’ kif il-bniedem jista’ jgħix f’armonija mal-ħolqien ta’ Alla. L-Arċisqof talab għall-fundatur tal-fondazzjoni, Ron Colombo, u għal dawk kollha li qegħdin jistennew kelb gwida u qegħdin jitgħallmu jużaw il-bastun l-abjad.

Il-fondazzjoni tilfet l-ewwel uffiċċju tagħha fiċ-Ċentru San Franġisk meta dan ingħata lil operatur privat. Grazzi għall-Kurja tal-Arċisqof, dan l-uffiċċju fi Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera, ingħata lill-MGDF għal 10 snin mingħajr kera. Il-fondazzjoni rranġat il-post u, grazzi għall-għajnuna ta’ numru ta’ sponsors, issa fih mejda fejn jista’ jiltaqa’ l-Bord, żewġ skrivaniji, kċina żgħira u kamra tal-banju.

Toby – kelb gwida

“Nispera li dan l-avvent ċkejken, magħmul tant sabiħ bix-xogħol u l-ġenerożità ta’ ħafna nies, ikun ċentru fejn kull min għandu bżonn għajnuna ikun jista’ jsibha mill-aħjar li jista’,” qal l-Arċisqof.

Iċ-Chairman tal-MGDF Joseph Stafrace rringrazzja lill-Kurja tal-Arċisqof tal-użu tal-uffiċċju mill-fondazzjoni f’post daqshekk prominenti. Fakkar l-avvenimenti ewlenin fl-istorja qasira tal-fondazzjoni minn mindu din twaqqfet mill-mibki Ron Colombo fl-2006 u li għalih ġie ddedikat l-uffiċċju. Spjega, imbagħad, is-servizzi li toffri l-fondazzjoni fit-taħriġ tal-bastun l-abjad u li tingħata l-klieb gwida.

Fost dawk li attendew għaċ-ċerimonja ta’ inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni u Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli, u l-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Persuni b’Diżabilità Maria Deguara, membri tal-Bord tal-MGDF u l-imsieħba fundaturi, is-Soċjetà Maltija tal-Għomja, is-Soċjetà Torball tal-Għomja u l-Assistenza għal dawk Neqsin mid-Dawl ta’ Għawdex (GAVI).

Prattiċi ta’ distanza soċjali għandhom jiġu estiżi għall-klieb gwida

Fl-istqarrija dwar l-avveniment tal-lum, il-Fondazzjoni qalet li l-prattiċi ta’ distanza soċjali għandhom jiġu estiżi għall-klieb gwida. Allavolja m’hemmx evidenza li l-klieb jistgħu jaqbdu l-COVID-19, ir-riċerka turi li jistgħu jservu bħala fomite (wiċċ) biex tixxerred il-marda – jiġifieri, jistgħu jġorru l-virus jew parti mill-virus fuq is-suf, fl-imnieħer jew fil-ħalq. Qalet li għalhekk, huwa neċessarju li jintużaw prattiċi ta’ iġjene iktar sikwit, mhux biss għall-persuna nieqsa mid-dawl iżda għal kull min qiegħed jieħu ħsieb il-kelb gwida tagħha jekk ma tiflaħx jew issofri minn kundizzjonijiet mediċi ulterjuri.