​L-UE u r-Russja ma jaqblux ma’ Trump dwar l-Iran

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qed jhedded li jwaqqaf ftehim bejn l-Iran u ħames pajjiżi oħra dwar il-programm nukleari ta’ dan il-pajjiż Iżlamiku.
Ir-Renju Unit, Franza, u l-Ġermanja qalu li jemmnu li l-ftehim huwa fl-aħjar interess tas-sigurtà nazzjonali tagħhom. Saħqu li se jibqgħu jżommu mal-ftehim oriġinali.
L-Unjoni Ewropea qalet li t-twaqqif ta’ ftehim li jaħdem m’għandiex tkun il-prerogattiva ta’ pajjiż wieħed.
Il-President tal-Iran Hassan Rouhani qal li l-Istati Uniti saret iktar iżolata minn qatt qabel.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Russja qal li jiddispjaċih li Trump ħa din id-deċiżjoni, iżda żied jgħid li ma jistenniex li l-ftehim għandu jintemm.
Il-ftehim kien ġie ffirmat fl-2015 bejn l-Iran, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, Franza, il-Ġermanja, u ċ-Ċina. Dan kien jimponi ċertu restrizzjonijiet fuq il-programm nukleari tal-Iran filwaqt li jitnaqqsu xi ftit is-sanzjonijiet internazzjonali li kienu ġew imposti fuq l-Iran.   
Iċ-Ċina għadha ma tkellmitx dwar l-aħħar żviluppi dwar il-ftehim, iżda fil-passat kienet talbet lill-Istati Uniti biex jippreżervaw il-ftehim.
Li jqaċċat dan il-ftehim kienet waħda mill-għajtiet ta’ Trump waqt il-kampanja elettorali.