L-UE u r-Renju Unit jilħqu ftehim; il-mexxejja se jiltaqgħu fi Brussell

Jean-Claude Juncker, Boris Johnson

L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit qalu li nstab ftehim għal Brexit. Kemm il-Presiden tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker kif ukoll il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson, fi stqarrijiet separate qalu li ntlaħaq ftehim bejn iż-żewġ partijiet.

Bħalissa l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea jinsabu fi triqithom lejn Brussell fejn aktar tard illum mistenni jibda’ s-summit Ewropew. Juncker ħeġġeġ lill-mexxejja biex japprovaw dan il-ftehim li huwa rrappurtat li ntlaħaq.

Il-proċess biex jiġi ratifikat dan il-ftehim huwa wieħed kemmxejn twil hekk kif wara li jġib l-approvazzjoni tal-Kunsill Ewropew, il-ftehim irid jiġi ratifikat mill-Parlamenti tal-membri stati inkluż dak tar-Renju Unit. Kif ġara meta Theresa May ressqet il-ftehim quddiem il-House of Commons, il-membri parlamentari Ingliżi jridu japprovawh.

Waħda mill-akbar ostakli f’dan il-ftehim dejjem kien il-backstop agreement, li huwa l-arranġament bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda mal-fruntiera tal-Irlanda ta’ Fuq. Dan biex il-kummerċ bejn iż-żewġ pajjżi jibqa’ għaddej b’rata normali għal xi żmien wara li r-Renju Unit toħroġ uffiċjalment mill-Unjoni Ewropea.