L-UE twissi lil Putin biex ma jintervjeniex fil-Belarussja

Photo: Twitter

L-Unjoni Ewropea wissiet lir-Russja sabiex ma tintervjeniex fis-sitwazzjoni li tinsab fiha bħalissa l-Belarussja. Il-President Russu Vladimir Putin qal li hu lest li jibgħat militar Russu sabiex jgħin lill-gvern tal-Belarussja jikontrolla d-dimostranti.

Il-Ministri tal-Affraijiet Barranin tal-membri tal-Unjoni Ewropea qed jiltaqgħu f’Berlin sabiex jiddiskutu din il-kriżi li feġġet wara li l-President tal-Belarussja Alexander Lukashenko estenda l-mandat tiegħu li s’sissa dam 26 sena f’elezzjoni li saret fid-9 ta’ Awwissu. Minn dakinhar eluf ta’ persuni ħarġu jipprotestaw fit-toroq jitolbu għar-riżenja tiegħu.

Minn naħa tagħha l-Unjoni Ewropea ma aċċettatx ir-riżultat li ra lil Lukashenko jirbaħ bi 80% tal-voti. Għalhekk l-Unjoni Ewropea mistennija timponi sanzjonijiet kontra r-regim ta’ Lukashenko hekk kif qed ikun allegat li l-elezzjoni kienet mittiefsa.

Minn naħa tiegħu Lukashenko qed isostni li l-Unjoni Ewropea qed issostni dan għaliex trid tnaqqas mis-saħħa tar-Russja.