L-UE twissi li lesta tiddefendi l-fruntieri bil-mezzi neċessarji kollha

Read in English.

Il-Ministri tal-Intern tal-Unjoni Ewropea wissew li s-sitwazzjoni preżenti tul il-fruntiera Griega mat-Turkija ma kinitx tollerabbli u li t-Turkija kienet qed tapprofitta mis-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni għal finijiet politiċi.

Tul il-fruntiera Griega mat-Turkija tul dawn l-aħħar ġranet kien hemm xeni ta’ kaos hekk kif eluf kbar ta’ nies ippruvaw jaqsmu l-fruntiera Girega wara li l-President Tork Recep Tayyip Erdogan qal li ma kienx se jkompli josserva l-ftehim dwar l-immigrazzjoni mal-Unjoni Ewropea u dawk li jridu jaqsmu lejn l-Unjoni Ewropea ma kienux se jitwaqqfu.

Fil-laqgħa tagħhom, il-Ministri tal-Unjoni Ewropea qalu li l-pajjiżi membri kienu determinati li jipproteġu l-fruntieri tal-għaqda u kienu se jieħdu l-miżuri kollha biex jassiguraw dan.

Erdogan min-naħa tiegħu qal li kien se jinjora l-ftehim dwar l-immigrazzjoni mal-Unjoni Ewropea sakemm il-pajjiżi Ewropej ma jappoġġjawx l-offensiva li t-Turkija qed tmexxi fis-Sirja. Offensiva li hi l-kaġun tal-mewġa kbira ta’ refuġjati li daħlu tul il-konfini Torok. Pożizzjoni li xi Ministri Ewropej iddeskrivew bħala rikatt mit-Turkija.