L-UE twissi konta r-riskji taż-żieda alarmanti ta’ każi ta’ Covid-19

REUTERS/Benoit Tessier

L-aġenzija għas-saħħa tal-Unjoni Ewropea sejħet fuq numru ta’ Stati Membri li qed jesperjenzaw żieda fil-każijiet ta’ coronavirus biex jerġgħu jimplimentaw miżuri ta’ kontroll, filwaqt li wissiet dwar “ritorn reali” tal-virus f’diversi pajjiżi.

F’rapport ta’ “valutazzjoni rapida tar-riskju” li kien ippubblikat nhar it-Tnejn, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) wissa dwar “riskju li terġa’ teskala l-Covid-19” madwar il-kontinent. F’dikjarazzjoni, iċ-Ċentru qal li “Filwaqt li diversi pajjiżi issa qed jiskopru ħafna każijiet ħfief jew mingħajr sintomi, li rriżulta f’żieda fir-rapporti ta’ każijiet, qed naraw żieda allarmanti fil-każijiet f’diversi pajjiżi, wara li ġew rilassati l-miżuri ta’ distanza soċjali.”

L-aġenzija saħqet li f’għaxar pajjiżi iż-żieda ta’ każi fl-aħħar jiem kienet ta’ iktar minn 20%, fil-waqt li f’numru ta’ pajjiżi, fosthom Malta, din kienet ta’ 30%.

L-aġenzija, li għandha l-bażi tagħha fi Stokkolma, kompliet tgħid li l-pandemija tal-Covid-19 għadha qed “tippreżenta theddida serja għas-saħħa pubblika.” Minn meta ntreħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar, u nbdew ċerti attivitajiet, il-virus reġa’ qabad rata mgħaġġla ta’ infezzjoni, kompliet l-istqarrija.

“Iż-żieda fl-inċidenza tal-Covid-19, u fl-għadd ta’ każijiet relatati li kellhom jiddaħħlu l-isptar għall-kura jew pazjenti li tilfu ħajjithom, tista’ tiġi kkontrollata jekk jerġgħu jiġu implimentati miżuri suffiċjenti ta’ kontroll, u jekk dawn jiġu infurzati malajr kemm jista’ jkun,” iddikjarat l-aġenzija.

Għal dawk il-pajjiżi li qed jaraw żieda fil-każijiet, “ir-riskju li l-CoVid-19 tibqa’ teskala huwa tassew għoli.” Jekk dawn il-pajjiżi jfallu milli jimplimentaw jew isaħħu r-restrizzjonijiet, ir-riskju se jkun “għoli ħafna”, kompliet twissi.

L-aġenzija kkonkludiet billi qablet mal-fatt li aktar ma ddum din il-pandemija, “hija ħaġa normali li n-nies jgħejjew u jixbaw bir-restrizzjonijiet, u għalhekk tonqos il-konformità mal-miżuri tas-saħħa pubblika.”