L-UE trid taħdem mal-Afrika biex tindirizza l-għeruq tal-problema – Bartolo

DOI - Clifton Fenech

Read in English.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal li l-Unjoni Ewropea għandha taħdem id f’id mal-Afrika biex tindirizza l-għeruq tal-problema b’rabta mal-immigrazzjoni.

Bartolo qal dan waqt laqgħa li kellu llum mal-kontroparti Franċiż Jean-Yves Le Drian waqt żjara ta’ ħidma għal diskussjonijiet dwar il-Libja, is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-migrazzjoni irregolari.

Fi stqarrija l-Ministeru qal li iż-żewġ naħat qablu fuq il-prijorità għall-waqfien mill-ġlied fil-Libja u fuq il-ħtieġa li jissokta l-proċess politiku li għandu jwassal għal soluzzjonijiet dejjiema favur paċi u stabbiltà. Qablu wkoll li l-futur tal-Libja għandu jkun determinat mil-Libjani nfushom li għandhom jitħallew mingħajr indħil biex isarrfu l-ġid li bih mogħni dan il-pajjiż f’irkupru ekonomiku u kwalità ta’ ħajja diċenti għal-Libjani kollha. Il-Ministru Bartolo saħaq li dan l-għan jista’ jintlaħaq biss permezz ta’ Libja waħda u magħquda, f’idejn il-Libjani.

Dwar l-immigrazzjoni irregolari, il-ministri qablu fuq il-bżonn ta’ mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni awtomatika biex il-piż jinqasam b’mod ġust bejn il-membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Bartolo tenna li waqt li r-rilokazzjoni ttaffi l-piż fuq il-pajjiżi tal-fruntiera, din mhix is-soluzzjoni permanenti għax ma twaqqafx il-migranti milli jitilqu minn pajjiżhom.

Fi kliem Bartolo, il-fruntiera tan-Nofsinhar tal-Ewropa hija kompletament esposta għall-abbuż tat-traffikanti tal-bnedmin fiċ-ċentru tal-Mediterran, b’żewġ laneċ biss għad-dispożizzjoni tal-Gwardja tal-Kosta Libjana biex tipproteġi l-fruntiera tagħha

Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi.