L-UE toħroġ il-lista ta’ pajjiżi tax haven

L-Unjoni Ewropea ppubblikat lista ta’ dawk il-pajjiżi mhux fl-Unjoni Ewropea u li tikkunsidra bħala tax havens, jiġifieri pajjiżi fejn wieħed jista’ faċilment jinvesti flusu biex jiffranka jew saħansitra ma jħallasx it-taxxa.
Fost dawn il-pajjiżi, l-Unjoni Ewropea tniżżel il-Panama. Meta ħarġu fil-beraħ il-Panama Papers, inkixfu għadd ta’ politiċi u persuni prominenti, li għandhom kumpaniji, magħrufa bħala offshore companies, bil-għan li jaħbu flushom, speċjalment jekk dawn ikunu ġejjin minn attivitajiet illegali.
Fost il-persuni li ssemmew fil-Panama Papers żvelati mill-Konsorzju Internazzjonali ta’ Ġurnalisti Investigattivi, kien hemm il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Għalkemm Konrad Mizzi dejjem qal li qatt ma għamel użu mill-kumpanija tiegħu fil-Panama, l-eksprosekutur Taljan kontra l-korruzzjoni Antonio Di Pietro qal ma’ Newsbook.com.mt li l-fatt li l-Ministru Konrad Mizzi fetaħ kumpanija fil-Panama diġà ħażin biżżejjed.
Il-lista tal-pajjiżi ġenna għal min irid jiskarta t-taxxa ġiet maqbula mill-Ministri għall-Finanzi tal-Unjoni Ewropea.
Fost il-pajjiżi l-oħra hemm il-Gżejjer Marshall, Mongolia, il-Korea ta’ Isfel, Grenada, Barbados, it-Tuneżija u l-Emirati Għarab Magħquda.
L-Unjoni Ewropea bdiet dan il-proċess fi Frar li għadda wara  d-diversi rapporti li kumpaniji u nies sinjuri fetħu kumpaniji f’dawn il-ġuriżdizzjonijiet biex jiffrankaw it-taxxa.
Għalkemm ma hemm xejn illegali li wieħed jinvesti flusu f’pajjiżi li r-rata tat-taxxa hija aktar kompetittiva, jista’ jagħti l-każ li fihom jinħbew flus li jkunu ġejjin minn attività illegali.
Il-Panama kien ċaħad li hu tax haven
Lura f'Marzu tal-2016, il-Gvern tal-Panama, permezz tal-Konslu Malti, kien ċaħad li l-Panama hija “tax haven” u kien fakkar f’liġijiet li daħħal fis-seħħ biex jirregola s-servizzi finanzjarji tiegħu.
L-istqarrija kienet tgħid li l-Gvern tal-Panama jinsab kommess li jiġġieled il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa.